Il-Partit Nazzjonalsita ħareġ tellief fil-Qorti, wara li pprova jagħmel sarima ma’ ħalq il-Gvern biex ma jiġix spjegat il-baġit. Kien dan il-messaġġ li ħareġ f’konferenza tal-Partit Laburista b’reazzjoni għad-deċiżjoni tal-Qorti fejn il-Partit Nazzjonalista tilef il-mandat ta’ inibizzjoni li fetaħ dwar spots politiċi mxandrin mill-PBS.
F’din il-konferenza, il-President tal-Partit Laburista, Alex Sciberras, spjega kif il-Qorti kkonfermat il-fatt li, fil-filmat inkwistjoni, il-Gvern kien qiegħed jispjega il-baġit għas-sena d-dieħla, skont id-doveri tiegħu. Dan filwaqt li l-istess Qorti nnotat kif hu d-dritt tal-pubbliku li jkun mgħarraf dwar il-baġit.
“Il-Qorti kellha tislet dan u tattira din l-attenzjoni għax juri biċ-ċar n-nuqqas ta’ maturità tal-Partit Nazzjonalista li ħass in-neċessità li jmur quddiem Qorti bil-għan li jipprova jagħmel din is-sarima ma’ ħalq il-Gvern meta hu ovvju li, f’pajjiż matur u demokratiku, ikollok dibattitu u diskussjoni politika ta’ viżjoni fejn trid tieħu lil dan il-pajjiż. Hu naturali u xi ħaġa mistennija fil-ħajja demokratika ta’ pajjiż.”
Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll miIl-Ministru responsabbli mix-xandir, Owen Bonnici, li nnota kif din il-manuvra mill-Partit Nazzjonalista kienet intiża biss biex iċċaħħad lill-pubbliku mid-dritt li jkun mgħarraf dwar il-baġit.
Filwaqt li laqa’ d-deċiżjoni tal-Qorti u stqarr kif din kienet pass fid-direzzjoni t-tajba, għax tiġġieled għad-dritt tal-pubbliku, il-Ministru Bonnici fakkar x’kienu jkunu l-konsegwenzi kemm-il darba l-Qorti ddeċidiet favur il-Partit Nazzjonalista f’dan il-mandat ta’ inibizzjoni.
“Il-Partit Nazzjonalista ried li jċaħħad lill-poplu mid-dritt li jirċievi informazzjoni. Agħar minn hekk, il-Partit Nazzjonalista ried li, jekk ikun hemm ħaddiema li jagħmlu d-dover tagħhom, huma jispiċċaw bix-xafra tal-ħabs imdendla fuq rashom.”
Hawn Bonnici nnota l-ipokresija tal-Partit Nazzjonalista, li ried iwaqqaf il-messaġġ milli jixxandar fuq l-istazzjon nazzjonali, iżda aċċetta li l-midja tiegħu xxandar l-istess filmati bi ħlas.
Hu temm jappella lill-Partit Nazzjonalista biex ma jibqax jinsisti fuq id-disprezz kontra l-ħaddiema tax-xandir nazzjonali, minbarra hekk hu ta l-kelma li l-Gvern se jibqa’ jiddefendi lil dawn il-ħaddiema.
Aqra wkoll: