Il-Partit Nazzjonalista tilef il-mandat ta’ inibizzjoni li għamel huwa stess fil-Qorti kontra l-PBS u l-Awtorità tax-Xandir.
Mandat li permezz tiegħu ried iwaqqaf ix-xandir ta’ reklamar b’rabta mal-Budget tas-sena d-dieħla.
Dan joħroġ mis-sentenza tal-Qorti li propju ġiet ippubblikata t-Tnejn.
Fil-fatt, kien propju ftit jiem wara li nqara l-Budget għas-sena d-dieħla li l-Partit Nazzjonalista permezz tal-eks Segretarju Ġenerali ta’ żmien GonziPN, Pawlu Borg Olivier ressaq mandat ta’ inibizzjoni biex il-PBS jieqaf ixandar reklamar tal-Gvern li jinforma dwar il-Budget għas-sena d-dieħla.
Fis-sentenza tagħha, l-Imħallef Miriam Hayman remiet l-argumentazzjoni tal-Partit Nazzjonalista hekk kif spjegat li “diffiċli tofroq Budget u kull riklam tiegħu, anke jekk huwa edukattiv, mil-lat politiku marbut miegħu.”
Apparti min hekk, il-Qorti rat kif meta l-Partit Nazzjonalista kien fil-Gvern, mexa bl-istess mod u rreklama l-Budget tiegħu, “ċoe xandar spots politiċi marbuta mal-Budget.”
L-Imħallef rat ukoll li minkejja li l-Partit Nazzjonalista mar isabbat saqajh quddiem il-Qorti biex il-Gvern ma jirreklamax il-Budget lill-poplu, xorta “ma rnexxilux juri li hu se jbagħti sproporzjon ta’ preġudizzju.”
Hawn il-Qorti spjegat li mhux biżejjed li l-Partit Nazzjonalista juri li hu mdejjaq b’dak li ġara iżda jinħtieġ ukoll juri kemm fuq il-miżien ta’ proporzjonalità l-iżbilanċ lejh huwa mweri.
B’hekk il-Partit Nazzjonalista minkejja li mar mal-ewwel jiġri l-Qorti fi stat ta’ paniku biex iwaqqaf lin-nies milli jkunu infurmati dwar il-Budget, lanqas irnexxielu jipprova dan l-iżbilanċ fil-konfront tiegħu.
Kien hawn li l-Qorti ddeċidiet li tarmi l-mandat tal-Partit Nazzjonalista fejn saħansitra ordnatlu jerfa’ hu l-ispejjeż tal-Qorti. Hija rrevokat ukoll id-deċiżjonijiet li permezz tagħha kien intlaqa’ b’mod proviżorju dan l-istess mandat ta’ inibizzjoni.
Il-Partit Nazzjonalista ressaq dan il-mandat biex iwaqqaf ir-reklamar tal-Gvern fuq il-PBS minkejja li hu stess fuq il-midja tiegħu xandar spots informattivi u aċċetta saħansitra l-flus għalihom.
Dan apparti li b’din l-istess kawża, il-Partit Nazzjonalista talab li jintbgħatu l-ħaddiema tal-PBS il-ħabs b’rabta ma’ disprezz lejn il-Qorti.