Il-fazzjoni ta’ Simon Busuttil fi ħdan il-Partit Nazzjonalista fosthom id-deputati tal-Blue Heroes u Simon Busuttil innifsu qed jitolbu għar-riżenja tal-President ta’ Malta George Vella.
Magħhom ingħaqad Kevin Cassar l-eks kandidat Nazzjonalista.
Fil-fatt kien hu li f’artiklu fuq it-Times kiteb biex jirriżenja l-President tar-Repubblika ta’ Malta.
“President’s only option: resign”, kiteb Kevin Cassar fuq it-Times b’rabta mar-rapport tal-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Kevin Cassar kien kandidat Nazzjonalista, ftit li xejn magħruf u qatt ma nġabar bil-voti, għajr li huwa ħaten Beppe Fenech Adami.
Cassar mhux l-ewwel darba wkoll kiteb kontra Adrian Delia, l-istess messaġġ tad-deputati tal-Blue Heroes li sfiduċjaw lil Delia u anki tal-esponenti tal-għaqda Repubblika, fosthom Manuel Delia.
Intant l-artiklu ta’ Cassar kontra l-President ta’ Malta ġie imbuttat minn bosta tal-fazzjoni Busuttil fosthom l-eks Kap Nazzjonalista nnifsu Simon Busuttil.
Fuq il-paġna tiegħu fuq facebook, Simon Busuttil imbotta l-artiklu ta’ Kevin Cassar u talab għar-riżenja ta’ George Vella minn President ta’ Malta.
Qal li jekk Dr Vella jirrispetta l-uffiċċju tal-President, huwa għandu jirriżenja.
Ma’ Simon Busuttil ingħaqad Jason Azzopardi, dak li kien ħareġ bid-deputati tal-Blue Heroes u wieħed mid-deputati viċin l-għaqda Repubblika u li tħalla jitkellem fid-dibattitu parlamentari dwar ir-rapport tal-inkjesta pubblika.
Fuq facebook Jason Azzopardi stieden lin-nies jaqraw l-artiklu ta’ Kevin Cassar dwar it-talba għar-riżenja tal-President ta’ Malta u qal kemm kellu raġun f’dak li kiteb Cassar.
B’din id-dikjarazzjoni l-Partit Nazzjonalista tal-fazzjoni Busuttil effettivament talab għar-riżenja tal-President ta’ Malta anki jekk l-Oppożizzjoni Nazzjonalista fosthom Simon Busuttil, li kien għadu deputat, u Jason Azzopardi kienu fost dawk li approvaw il-ħatra ta’ George Vella bħala Kap tal-Istat Malti, f’vot fil-Parlament.