Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino, u d-Deputat Nazzjonalista Graham Bencini kienu skomdi jwieġbu dwar il-kumment li d-Deputat Nazzjonalista Julie Zahra għamlet fil-konfront tal-festival tat-tfal ŻiguŻajg.
F’konferenza tal-aħbarijiet id-Deputat Bencini kien mistoqsi jekk jikkundannax l-aġir ta’ Zahra, dwar l-attakk li fetħet kontra inizjattiva li permezz tal-arti u l-kreattività, tippromwovi l-inklużività u l-apprezzament tad-diversità.
Bencini, il-kelliem tal-Oppożizzjoni għax-xandir minflok għażel li jinjorana anki jekk għamel ħin twil jitkellem favur il-libertà tal-espressjoni.
Ġurnalist: “Taħseb li uriet nuqqas ta’ għarfien?”
Graham Bencini: “Yes?”
L-aġir ta’ Zahra ġab reazzjoni mill-President tal-Forum Opportunitajiet Indaqs Partit Nazzjonalista li stqarr kif Zahra lanqas biss indenjat titkellem ma’ dan il-Forum fi ħdan l-istess Partit.
Jamie Vella tenna kif hi x-xewqa tiegħu li jara aktar ħidma magħquda minn partijiet differenti fil-Partit Nazzjonalista.
Huwa saħansitra spiċċa jitkarrab li l-uffiċjali tal-Partit jikkonsultaw mal-istess Forum fl-ispirtu ta’ teamwork, li skontu huwa nieqes fil-Partit Nazzjonalista.
Iżda s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista wera li mhux jaqbel miegħu.
“Fil-Partit Nazzjonalista żgur li hemm teamwork qawwi bħalissa.”