Tliet xhur ma kinux biżżejjed biex il-Partit Nazzjonalista jsib min jimla’ l-kariga ta’ kaxxier fl-amministrazzjoni tiegħu biex hekk, il-partit imexxi minn Adrian Delia se jagħlaq is-sena mingħajr teżorier. Dan minkejja li sal-Ħadd li għadda reġa’ kien qed jiġbor l-eluf mingħand in-nies. Il-Partit Nazzjonalista baqa’ b’dik il-kariga battala anke jekk din hi kariga li tirriżulta mil-liġi tal-finanzjament tal-parititi u hija meqjusa bħala waħda importanti ħafna fil-kuntest ta’ liġi li hi maħsuba biex tiggarantixxi t-trasparenza.
Il-Partit Nazzjonalista ilu żmien biex isib persuna idonja għal din il-kariga. Dan riżultat tal-problemi finanzjarji li għandu. Il-Kap Adrian Delia u s-Segretarju Ġenerali Clyde Puli għamlu sforzi kbar biex isibu isem anke jekk għal fuq il-karta biss. Sorsi fl-istamperija qalu li issa ngħatat id-data ta’ Marzu jew April bħala t-tentattiv li jmiss sa meta tinstab din il-persuna.
Fis-sajf il-Partit Nazzjonalista spiċċa b’persuna li ma kellha ebda esperjenza għal din il-kariga. Tant li l-aħħar kaxxier Antoine Zammit ma dam mill-Milied sa San Stiefnu hekk kif kellu jirriżenja xahar biss wara li nħatar. L-imkejjen tagħna kienu spjegaw sa mill-ewwel jum li ma kienx tal-qatgħa, iżda Delia ma kellux għażla. Zammit kien umiljat għax mar jitlob parir fuq il-banking. Fil-fatt kellu jirrikorri għall-għajnuna ta’ grupp ristrett għan-Nazzjonalisti fuq Facebook. F’dan il-kuntest, il-fazzjoni ta’ Busuttil kienet diġà bdiet turi dubji kbar dwar il-ħiliet fil-finanzi ta’ Zammit biex jipprova jfejjaq is-sitwazzjoni finanzjarja mwiegħra li jinsabu fiha l-Partit Nazzjonalista.
Eventwalment Zammit kellu jirriżenja wara li ONE News kixef kif kien tella’ filmati fuq Youtube wara li l-kaxxa li tipprovdi xandir illegali ta’ eluf kbar ta’ stazzjonijiet waqfet turi l-films pornografiċi. Fl-istess waqt li l-kaxxier ta’ Adrian Delia kien qiegħed jagħti dawn l-istruzzjoniet, l-awtoritajiet Ewropej kienu qegħdin iwettqu ħidma sabiex iwaqqfu dan l-operat illegali ta’ xandir.