Il-Partit Nazzjonalista falla l-ewwel test reali tiegħu biex juri kemm bil-fatti huwa lest li jaħdem biex pajjiżna jwettaq ir-rakomandazzjonijiet tal-FATF.
Dan intqal fi stqarrija maħruġa mill-Partit Laburista.
Il-Partit Laburista qal li bil-paroli, il-Kap tal-Oppożizzjoni jgħid li jrid ikun mal-Gvern u mal-awtoritajiet biex il-pajjiż iwettaq dan il-pjan ta’ azzjoni, iżda bil-fatti wera mod ieħor. Dan hekk mar fil-Parlament u vvota kontra emenda leġiżlattiva li saħħaħ l-awtoritajiet regolatorji ta’ pajjiżna.
Il-Partit Laburista saħaq li permezz ta’ din l-emenda l-Gvern ried jagħti l-awtoritajiet pubbliċi s-setgħa biex jimponu sanzjonijiet amministrattivi, sabiex verament jindirizza l-ħasil tal-flus, il-kriminalità organizzata u l-finanzjar tat-terroriżmu. Dan b’rispett lejn il-Kostituzzjoni ta’ Malta, il-Konvenzjoni Ewropea u d-deċiżjonijiet kostituzzjonali tal-Qrati tagħna.
Din l-emenda tressqet ukoll wara li kienet mitluba l-opinjoni tal-Kummissjoni Venezja u li kienet ippubblikata f’Ġunju li għadda.
B’dan l-abbozz Malta kienet tkun qiegħda tagħmel dak li diġà qed issir f’pajjiżi oħra fosthom: Franza, l-Ġermanja, u l-Olanda.
Il-Partit Laburista temm jgħid li b’dan il-vot kontra, imur kontra t-trasparenza u s-saltna tad-dritt. Intqal ukoll kif dan il-vot waqqa’ l-maskra tal-Partit Nazzjonalista li ma jridx jaħdem biex Malta twettaq dawn ir-rakkomodazzjonijiet kemm jista’ jkun malajr.
Ara wkoll:
https://www.one.com.mt/2021/07/14/il-pn-jivvota-kontra-emenda-li-ssahhah-l-istituzzjonijiet/