Il-Partit Nazzjonalista reġa’ ħareġ jikkritika b’retorika vojta u populista dwar l-immaniġġjar tal-iskart, iżda bħas-soltu, baqa’ ma qalx x’kien dan “il-pjan serju” li jgħidu li ħallew warajhom.
Dan ħareġ fi stqarrija tal-Partit Laburista, fejn intqal li għandna niftakru, kif dan kien l-istess PN li ħalla lill-pajjiż jiddependi biss mill-miżbliet u bla ebda viżjoni. L-unika “idea innovattiva” ta’ dak iż-żmien kienet dik ta’ paragliding fuq il-miżbla. Minflok din il-politika skaduta, Gvern Laburista ħa azzjoni konkreta billi biddel il-miżbliet fi spazji miftuħa u sbieħ għall-familji Maltin u Għawdxin, bħalma sar f’Wied Fulija u l-Qortin. Din hija tmexxija serja u li tħares ’il quddiem.
Il-Partit Laburista qal kif barra minn hekk, il-PN qed jitħawwad u jħawwad. Fil-livell ta’ inkompetenza li niżlu fiha qas irrealizzaw li qed nitkellmu fuq żewġ proġetti distinti: l-impjant tal-Waste-to-Energy u l-impjant għall-iskart perikoluż. L-ewwel wieħed għadu fi stadju ta’ akkwist u, kif ħareġ ċar mill-Qorti, ma kien hemm l-ebda difett tekniku fil-proċess. Anzi, l-istudju tiegħu juri benefiċċji ambjentali netti li jgħinu fit-tranżizzjoni ekoloġika li qed isseħħ f’pajjiżna.
Fuq l-inċineratur għall-iskart perikoluż, dan huwa impjant li se jittratta skart bħal dak tal-biċċeriji u skart kliniku; mhux skart li jista’ jiġi rriċiklat. Għalhekk, m’hemmx kunflitt mal-ekonomija ċirkulari u ma jaffettwax il-progress fil-qasam tar-riċiklaġġ. L-Environmental Impact Assessment kkonferma li l-impjant se jkun taħt l-istandards l-aktar għoljin u, jekk ikun hemm xi parametru barra mill-limiti, is-sistema se tintefa b’mod awtomatiku.
Il-fatti huma ċari. Ir-rata ta’ skart organiku separat żdiedet b’aktar minn 43% mill-2022 u r-rata ta’ skart riċiklat dejjem titjieb. Dan huwa suċċess konġunt mal-poplu li qed jaħdem magħna u mhux kontrina.
Il-Partit Laburista temm jgħid li Gvern Laburista mhux biss qed jindirizza t-tniġġiż u l-miżbliet li ħallew warajhom il-Gvernijiet Nazzjonalisti. Imma qed joħloq infrastruttura moderna u responsabbli li joħloq ambjent aktar nadif u futur aktar sostenibbli għal kulħadd.