L-Oppożizzjoni Nazzjonalista rnexxielha tkun negattiva anke fi kwistjonijiet li huma pożittivi, bħat-tnedija tal-Patient Charter. Fi stqarrija, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Claudette Buttigieg ikkritikat il-Patient Charter imniedi t-Tnejn li għadda mill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.
Il-Ministeru tas-Saħħa spjega li għall-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna, dan iċ-charter qiegħed jikteb id-drittijiet u d-dmirijiet tal-pazjent bl-iswed fuq l-abjad; fuq kollox qiegħed jagħti dritt ta’ rimedju lill-pazjenti kollha li jkunu ilhom jistennew aktar miż-żmien stabbilit għal operazzjoni.
Fost oħrajn, iċ-charter jagħti lill-pazjenti d-dritt li jbiddel il-konsulenti, li jkollu aċċess għall-files mediċi, u dritt għall-informazzjoni li l-pazjent ikun jista’ jifhem. Iċ-charter se jwassal għal tibdil fil-mentalità u se jżomm il-gvern kontabbli għall-wegħdi li jagħmel.
Il-Ministeru fisser li l-kritika min-naħa tal-Oppożizzjoni għal dan iċ-charter tfisser biss ħaġa waħda, li l-PN fil-gvern ireġġa’ l-arloġġ lura għal-listi ta’ stennija ma jispiċċaw qatt f’kull speċjalità u mediċini out of stock galore.