Fl-aħħar jiem, l-establishment tal-Partit Nazzjonalista kompla jgħolli rasu.
Wara li dan kien pront jattakka lil Adrian Delia dwar id-donazzjoni ta’ nofs miljun ewro lid-Dar tal-Providenza, issa għal darb’oħra dan ħareġ għonqu għal Manuel Delia.
Dan wara lmenti mill-ġirien ta’ Manuel Delia dwar irwejjaħ li kienu ħerġin mir-residenza tal-istess Delia.
ONE News jinsab f’pożizzjoni li jikkonferma dawn l-ilmenti u saħansitra jista’ jikkonferma li ntbagħtu uffiċjali tas-sanità fit-triq.
Dwar dawn l-ilmenti kkummenta wkoll Jonathan Dingli mill-istess Partit Nazzjonalista u li huwa l-minority leader fil-Kunsill Lokali tal-Imqabba.
Fuq Facebook, Dingli sostna li Manuel Delia jnaddaf l-annimali fuq il-bejt tiegħu u jarmi l-ilma għat-triq minn ġo katusa. Qal ukoll li n-nies u l-ġirien xebgħu jgergru hekk kif Delia, nitten it-triq bl-awrina u l-kumplament.
Dingli kkundanna dan l-aġir ta’ Delia u qal li missu jistħi speċjalment wara li l-Kunsill Lokali sema’ ħafna lmenti dwar dan l-atteġġjament.
Temm jgħid li huwa ġie notifikat dwar dan madankollu l-problema xorta baqgħet tippersisti.
Kien hawnekk li l-establishment tal-Partit Nazzjonalista ħareġ għonqu għal Delia u attakka lil Dingli, permezz ta’ Wayne Hewitt.
Esponent ewlieni mill-fazzjoni tal-eks Kap Simon Busuttil u li fit-tellieqa għall-kap tal-Partit Nazzjonalista, intefa b’ruħu u ġismu wara Adrian Delia.
F’kumment b’reazzjoni għad-dikjarazzjoni ta’ Dingli fuq Facebook, Wayne Hewitt infexx f’attakk dispreġġjattiv fil-konfront tal-minority leader tal-partit tiegħu stess.
Min-naħa tiegħu, Dingli reġa’ wieġeb lil Hewitt u qallu li mhux se jaqa’ fil-livell baxx tiegħu.
Qallu li jekk lilu għajru bħala espert tal-awrina, Hewitt għajjar lir-residenti Mqabbin li ilhom jilmentaw minn Manuel Delia.
Il-Minority Leader Nazzjonalista qal li hu mhux espert daqs Hewitt fl-ilsien velenuż filwaqt li qal li Hewitt għandu moħħ fqir.
Dingli temm jgħid li kieku jkun fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, kieku jiddisassoċja ruħu minn Hewitt għaliex qed jagħmlu d-deni lill-Partit.
Riċentament, fi żmien il-Milied, Hewitt għajjar lil dawk favur Adrian Delia bħala erbat iqtates u maħruqin.