Il-Partit Nazzjonalista, mill-ġdid, ħareġ għonqu għal esponent tiegħu Jason Azzopardi. Dan wara li telaqlu r-reserved parking f’Tas-Sliema.
F’konferma oħra ta’ kemm il-Partit Nazzjonalista hu marbut ma’ Azzopardi, ftit wara li sar magħruf li ma kienx hemm għalfejn jibqa’ jkun hemm parkeġġ riservat għalih, l-istess Partit Nazzjonalista ħareġ stqarrija jiddefendih akkost ta’ kollox.
Fil-fatt, fl-istqarrija tiegħu, il-Partit Nazzjonalista indika wkoll li se jkun qed ikompli jibqa’ jiddefendi lill-eks Deputat u avukat tal-għaqda Repubblika.
Din id-difiża totali mill-Partit Nazzjonalista għal Azzopardi tkompli tikkonferma l-ħatfa li teżisti fuq it-tmexxija ta’ Bernard Grech hekk kif kull ma jmur qed joħroġ aktar ċar li d-deċiżjonijiet qed jittieħdu minn dawk li huma fil-fergħa estremista, li tinkludi l-għaqda Repubblika, fost oħrajn.
Ewlieni fosthom hemm Karol Aquilina, ħu Robert Aquilina, li hu l-wiċċ ta’ Repubblika.
Hu fatt magħruf fid-Dar Ċentrali li Karol Aquilina jieħu d-deċiżjonijiet politiċi ewlenin, b’dawn anke jiġu riflessi fl-istqarrijiet u l-pożizzjonijiet li joħroġ bihom il-Partit Nazzjonalista.
Id-difiża tal-Partit Nazzjonalista fil-konfront ta’ Jason Azzopardi dehret ċara wkoll dakinhar li dan ħareġ ta’ giddieb wara allega l-falz fil-konfront tas-Segretarju tal-Kabinett Ryan Spagnol.
Dakinhar il-Partit Nazzjonalista, flok iddistakka ruħu minnu, stiednu fuq il-midja tiegħu biex ikompli jiġġustifika l-kruċjata ta’ mibegħda li ilu għaddej biha għal diversi snin.
L-istess fuq id-Deputat Laburista Carmelo Abela, fejn Jason Azzopardi ħareġ ta’ giddieb flagranti f’libell li tilef fuq allegazzjonijiet li l-Partit Nazzjonalista wkoll għamilhom tiegħu u baqa’ qatt ma talab apoloġija.
Minbarra hekk, il-Partit Nazzjonalista, bħal Jason Azzopardi, ħareġ kontra r-r-riforma fil-proċess tal-inkjesti maġisterjali, li tħabbret ftit tal-jiem ilu.
Riforma li tilqa’ għall-abbużi minn għodda tal-ġustizzja li l-istess Jason Azzopardi jużaha biex, bil-gideb tiegħu, jiftaħ l-inkjesti fuq kull min ifettillu għax ma jaqbilx miegħu.