Il-Partit Nazzjonalista baqa’ juri kemm huwa kontra l-ftehim li bih l-Art fiż-Żonqor se tingħata lura lill-poplu Malti.
F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ġimgħa waranofsinhar, il-Partit Nazzjonalista rriafferma l-vot tiegħu kontra li jiġi ffirmat ftehim li bih din l-art tingħata lura lin-nies, tibqa’ barra miż-żna tal-iżvilupp, u tkun parti mill-Park Nazzjonali tal-Inwadar f’Wied il-Għajn.
Permezz tad-Deputati tiegħu, il-Partit Nazzjonalista tenna li l-Gvern għandu jieħu lura din l-art mingħajr ftehim u negozjati mal-Università Amerikana f’Malta, l-AUM.
Dan minkejja li ma nkisru l-ebda obbligi kuntrattwali mill-AUM, kif anke rrimarkaw rapporti minn midja indipendenti.
Mistoqsija proprju dwar dan, id-Deputat Nazzjonalista Rebekah Cilia dehret skomda għall-aħħar u, biex tipprova taħrab il-mistoqsija, qalet li kien hemm midja indipendenti li fil-fatt qalu li kien hemm ksur fl-obbligi kuntrattwali mill-AUM.
Madankollu, meta saritilha mistoqsija biex tidentifika dawn ir-rapporti, hija ma tatx risposta.
Ġurnalist: “Rapporti indipendenti qed jgħidu li ma nkisrux kundizzjonijiet.”
Rebekah Cilia: Hemm rapporti indipendenti oħra.
Ġurnalist: Liema huma?
Rebekah Cilia: Hemm gazzetti indipendenti oħra li qalu dawn l-affarijiet.
Ġurnalist: Liema huma? X’inhuma l-kundizzjonijiet li ġew miksura?
Dan il-proċess jikkonċerna żewġ ftehimiet separati li permezz tagħhom il-Gvern se jikseb lura art fl-iSmartCity li se tiġi allokata għal diversi inizjattivi, fosthom ir-rilokazzjoni tal-AUM minn Wied il-Għajn u minn parti f’Bormla, li kienet se tinbena.
Fuq l-art fl-iSmartCity se jinbena wkoll il-kampus il-ġdid tal-ITS.
Mal-AUM, il-bidliet huma primarjament ibbażati fuq it-tpartit ta’ art ma’ oħra filwaqt li fil-każ tal-iSmartCity, il-Gvern qed jimpenja ruħu li jagħmel ċertu investiment li minnu tgawdi l-komunità kollha kemm hi.
Fl-iSmartCity, l-ispazji miftuħa mistennija jiżdiedu.