Il-Partit Nazzjonalista mhux kredibbli li jitkellem fuq il-valur tal-art pubblika. Sostna dan il-Partit Laburista b’reazzjoni għal akkużi li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista dwar proċess li għaddej dwar art li se tintuża għal investiment turistiku.
Il-Partit Laburista nnota li l-ġimgħa li għaddiet, il-Qorti kkonfermat ir-responsabbilità tad-deputat Jason Azzopardi fl-iskandlu tal-art tal-Löwenbräu. Fejn l-uniku tellief fid-deal tal-art kien il-poplu Malti.
Sa din il-ġimgħa stess dan kompla jiġi kkonfermat f’każ separat tal-art tal-Fekruna. Waqt laqgħa tal-kumitat għall-kontijiet pubbliċi ġiet ikkonfermata l-pressjoni li għamel Azzopardi ftit jiem biss qabel elezzjoni ġenerali sabiex l-art tiġi esproprjata.
L-ex-direttur ġenerali fid-Dipartiment tal-Artijiet, Eman Schembri, żvela kif huwa ma ħassx li kien f’loku li din l-art tittieħed lill-poplu propju ftit qabel elezzjoni ġenerali:
“Il-gvern ġdid, l-amministrazzjoni l-ġdida li kellha tidħol, forsi ma kinitx tkun prijorità u mhux ġust li bniedem jikkommetti ir-riżorsi li jlaħħqu ħames miljuni f’dak l-istadju meta kien ċar li l-amministrazzjoni se tinbidel. Jiena kont maqbud bejn a rock and a hard stone. X’ħa nagħmel?”
Madankollu huwa stqarr li email li waslitlu mid-deputat Jason Azzopardi imbutat sabiex jitmexxa l-proċess.
Il-Partit Laburista qal li jekk Adrian Delia jrid ikun kredibbli fuq dan is-suġġett għandu jibda billi jneħħi lil Jason Azzopardi.
Dan filwaqt li l-gvern għandu jibqa’ jikkonsulta kemm hemm bżonn u joqgħod fuq il-parir tal-esperti kemm fuq il-każ imsemmi kif ukoll f’każijiet fil-futur. Dan skond kif mitlub mill-kontabilità u għal kuntrarju ta’ dak li għamel gvern Nazzjonalista fil-passat.