Il-Partit Nazzjonalista ma jistax ikun kredibbli meta jitkellem dwar l-ambjent għax għadu qed jiddefendi d-deċiżjonijiet ta’ meta kien fil-Gvern, li l-effetti tagħhom għadhom jinħassu sal-lum.
Qal dan il-Partit Laburista fi stqarrija, li spjega kif min irid jgħid li se jtejjeb l-affarijiet, irid qabel xejn jammetti dak li seta’ għamel aħjar.
Il-Partit Laburista nnota kif il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Ambjent iddefenda l-estensjoni tal-iżvilupp tal-elfejn u sitta li bħala art kienet kbira daqs is-Siġġiewi kollu.
Dan għaliex hu kien parti mis-sistema li ħadet dawn id-deċiżjonijiet u l-ikbar protagonisti ta’ dak il-proċess kontroversjali, illum imexxu l-politika ta’ Bernard Grech.
L-istqarrija kompliet tgħid li meta tkellem dwar il-bidla fil-klima, il-Partit Nazzjonalista njora l-ammont kbir ta’ inizjattivi li qed isiru mill-Gvern fl-istess waqt li wera kif m’għandux idea kif se jilħaq il-miri f’oqsma bħall-enerġija, l-immaniġjar tal-iskart u l-ilma.
Il-Partit Laburista qal li dan kollu jikkonferma n-nuqqas ta’ kredibilità tal-Partit Nazzjonalista li mhux biss hu bla viżjoni imma wkoll mhuwiex preparat. Għall-kuntrarju, il-Gvern ħa inizjattivi kbar fis-settur u qed ikompli jaġġorna l-politika tiegħu għall-ġejjieni.