L-uniku Gvern li seraq in-nies bil-kontijiet tal-enerġija kien Gvern Nazzjonalista li mhux biss żied il-kontijiet b’rati allarmanti, iżda żidhom iktar minn kemm żdiedu fl-Unjoni Ewropea.
Dan innutah il-Partit Laburista fi stqarrija li fiha qal li mbagħad Gvern Laburista l-ewwel raħħas il-kontijiet, biex issa żamm il-kontijiet stabbli f’mument fejn madwar l-Ewropa u d-dinja kollha kien hemm splużjonijiet fil-prezzijiet tal-enerġija.
Il-Partit Laburista qal li Gvern Laburista ħalla iktar minn €600 miljun fil-bwiet tan-nies permezz tar-roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma.
B’rabta mal-bidla fil-kalkolu tal-kontijiet tal-enerġija li issa se jibda jgħodd b’lura mill-bidu ta’ din is-sena, il-Partit Laburista fakkar li kien Gvern Nazzjonalista fl-2009 daħħal liġi li kif jinħadmu l-kontijiet bis-sistema antika imbagħad Gvern Laburista raħħas il-kontijiet tad-dawl b’25%.
Il-Partit Laburista qal li dan anki jikkonfermah l-Awditur Ġenerali f’rapport li kien għamel.
“Il-Partit Nazzjonalista ried bidla li saħansitra kienet terġa’ żżid il-kontijiet ta’ eluf kif wissih l-Awditur Ġenerali”, saħaq il-Partit Laburista li spjega kif bħal ma għamel fil-każ tal-feed in tariffs, dan il-Gvern qed iwettaq bidla pożittiva li tindirizza d-deċiżjonijiet ta’ żmien Gvern Nazzjonalista.