Il-Partit Nazzjonalista, li jemmen li Malta ma kellhiex bżonn powerstation ġdida u li meta kien fil-Gvern, lanqas lesta l-interconnector li tant kien ilu jitkellem dwaru, m’għandu l-ebda kredibbiltà jitkellem dwar il-provvista tal-enerġija.
Dan saħqu l-Partit Laburista fi stqarrija li ħareġ is-Sibt, li fiha rrimarka li kieku qgħadna fuq il-parir tal-Partit Nazzjonalista, kieku l-pajjiż ilu snin mingħajr provvista biżżejjed, u b’xhur sħaħ kull sena mingħajr dawl.
L-istqarrija tal-Partit Laburista fakkret kif fl-aħħar snin, il-Gvern saħħaħ bil-kbir il-provvista tal-enerġija, u fl-istess ħin għalaq impjanti li ma kienu jagħmlu xejn għajr ħsara, bħal dak tal-Marsa.
Huwa għalhekk li fuq il-ġenerazzjoni ta’ enerġija nadifa, il-Partit Laburista ma jiħux tagħlimiet mingħand il-Partit Nazzjonalista tal-heavy fuel oil.
Iktar u iktar meta fil-pajjiż għaddejjin proġetti kbar, bħal tax-shore-to-ship, biex ikompli jsir l-investiment fl-arja nadifa.
Fl-istess ħin, il-Partit Laburista fil-Gvern tellaq proċessi li għandhom iwasslu għal produzzjoni ta’ enerġija aktar nadifa, biex il-pajjiż ikompli jlaħħaq mal-iżvilupp ekonomiku, u anki biex jilqa’ għal kundizzjonijiet klimatiċi li qed jinbidlu u li jkomplu jżidu l-provvista tal-enerġija.
Miexi wkoll ix-xogħol fuq it-tieni interconnector, u bħalma kien Gvern Laburista li lesta l-ewwel interconnector, se jerġa’ jkun Gvern Laburista li jlesti t-tieni interconnector.
Il-Partit Laburista fakkar kif il-pajjiż għandu provvista ta’ enerġija b’saħħitha u għandu obbligu li jsaħħaħha f’każ ta’ emerġenza.
Iktar minn hekk, l-investiment li għaddej bħalissa fuq id-distribuzzjoni huwa l-akbar wieħed li qatt sar u se jkompli jibni fuq dak li sar fl-aħħar snin biex pajjiżna jsaħħaħ id-distribuzzjoni bħalma għamel fil-provvista.
Dan kollu l-Gvern għamlu u qed jagħmlu filwaqt li jżomm il-kontijiet stabbli.
“Il-Partit Nazzjonalista lill-poplu tah l-ogħla kontijiet u powerstations tal-faħam u l-heavy fuel oil li kienu jimlew lin-naħa t’isfel ta’ Malta bi trab iswed u jmarrdu n-nies”, temm jgħid il-Partit Laburista fl-istqarrija.