L-istatut tal-Partit Nazzjonalista ma jagħtix is-setgħa lill-Kummissjoni Kandidati, dik elettorali u l-Kunsill Amministrattiv tal-istess partit biex jippubblikaw ir-rapport tad-due diligence li sar fuq kull kandidat għal kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Dan ikkonfermah il-Kap Nazzjonalista stess Adrian Delia, f’mozzjoni li ressaq biex tiġi diskussa f’laqgħa tal-Amministrattiv tal-Ħamis filgħaxija.
Din il-mozzjoni kienet sekondata miż-żewġ Viċi Kapijiet Nazzjonalisti David Agius u Robert Arrigo.
Min-naħa l-oħra, mal-Illum, Bernard Grech qal li hija stramba u ma tagħmilx sens li r-rapport tad-due dilgence għadu ma ġiex ippubblikat.
Ir-rapport ta’ due diligence fuq iż-żewġ kandidati għal Kap tal-Partit Nazzjonalista qed ikun sors ta’ ġlied ieħor bejn iż-żewġ fazzjonijiet li qed jitqabdu għar-riedni tal-partit.
Sa issa għadhom ma ġewx ippubblikati r-rapporti ta’ due diligence fuq iż-żewġ kandidati anki jekk huma qalu li jixtiequ li dan isir pubbliku.
Iż-żewġ kandidati li issa huwa magħruf li t-tnejn għandhom dellijiet fuqhom mhux jaqblu fil-mod kif dawn għandhom jiġu ppubblikati r-rapporti.
Nhar it-Tlieta, Bernard Grech, il-kandidat tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil mar jitfa’ n-nomina għal Kap tal-Partit Nazzjonalista mingħajr ma ppubblika r-rapport ta’ due diligence li sar fuqu mill-istess partit li qed jaspira li jmexxi.
Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, li huwa esponent ewlieni li qed jimmonta l-kampanja ta’ Grech tefa’ botta lejn Delia bħala l-persuna li qed iżżomm li jiġi ppubblikat ir-rapport ta’ due diligence. Min-naħa tiegħu, Adrian Delia qal li hu jrid li jiġi ppubblikat ir-rapport iżda saħaq li skont l-istatut tal-partit, il-Kummissjoni Kandidati tal-Partit Nazzjonalista għandha l-obbligu li tibgħat ir-rapport tad-due diligence lill-Kummissjoni Elettorali u l-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista.
Il-fatt li l-istatut tal-Partit Nazzjonalista ma jagħtix is-setgħa li jiġi ppubblikat ir-rapport ta’ due diligence fuq iż-żewġ kandidati għal Kap tal-Partit Nazzjonalista jikkonferma dak li qal il-Partit Laburista, li dan kien proċess superfiċjali u li fil-verità m’hemmx għażla bejn Adrian Delia u Bernard Grech.