Qatt fl-istorja tiegħu il-Partit Nazzjonalista ma ffaċċja familja maqsuma daqs llum.
Dan huwa kliem il-Viċi Sindku ta’ San Ġiljan f’isem il-Partit Nazzjonalista, Albert Buttigieg, f’artiklu fit-Times of Malta. F’artiklu li kkonferma l-firda eżistenti fil-Partit Nazzjonalista, Buttigieg iddikjara ċar u tond li l-partit li jagħmel parti minnu hu għandu kriżi ta’ identità.
F’sinjal ċar ta’ twemmin li l-Kap Eżistenti Adrian Delia mhux kapaċi jasal, il-Viċi Sindku ta’ San Ġiljan appella biex jissejħu lura fil-partit nies bħal Tonio Borg, Joe Borg, u Louis Galea. Hu jgħid li dawn l-ikoni tal-Partit Nazzjonalista huma l-unika persuni li jistgħu jgħinu fir-rikonċiljazzjoni bejn iż-żewġ fazzjonijiet.
L-artiklu ta’ Buttigieg ixejjen ukoll it-tentattivi li qed tagħmel it-tmexxija preżenti, biex bħallikieku tagħti l-impressjoni li l-affarjiet fil-partit sejrin għall-aħjar. Bi kliem iebes, hu jappella biex “inkunu onesti magħna nfusna u nieqfu nippretendu mod ieħor.”
Buttigieg żied jikteb kif il-PN qed jaddotta politika bħallikieku jinsab taħt assedju, u jwissi li wasal il-mument li wieħed isib il-kuraġġ li jammetti l-verità.
Intant Buttigieg mhux l-uniku wieħed li qed jesprimi d-dwejjaq bil-qagħda tal-Partit Nazzjonalista. Dan hekk kif ftit tal-ġimgħat ilu, il-Viċi Kap Robert Arrigo wkoll sploda, meta qal pubblikament li l-problema ewlenija fil-partit huma n-nies ta’ madwar Delia, b’referenza għal Kristy Debono u Jean Pierre Debono, u Hermann Schiavone.