L-għażliet ta’ Bernard Grech għal President il-ġdid tar-Repubblika huma s-sors ġdid ta’ ġlied u firda fil-grupp parlamentari Nazzjonalista.
Kompla jinnota dan l-eks Ministru Nazzjonalista Michael Falzon fuq il-Maltatoday wara li l-Ħadd ta’ qabel ġew żvelati l-ismijiet li Bernard Grech irid għal President ta’ Malta u li dwarhom membri fil-grupp parlamentari bagħtuh jsaffar.
Numru mdaqqas fil-grupp parlamentari Nazzjonalista kien urtat ferm li Bernard Grech mar quddiemu b’tliet ismijiet lesti mingħajr ma ried diskussjoni.
Grech ressaq l-ismijiet tal-eks Ministru Nazzjonalista Dolores Cristina, Marica Mizzi, li żewġha jaħdem mal-MediaLink, il-midja tal-Partit Nazzjonalista u l-Maġistrat Joe Mifsud.
Is-sorsi ta’ ONE News fid-Dar Ċentrali, l-istess sorsi li fl-aħħar jiem komplew jikxfu kif il-Kap Nazzjonalista ċeda għal pressjoni għalxejn għaliex il-festi tal-indipendenza kienu fqar anki jekk inġabet Metsola tal-establishment biex tindirizza l-mass meeting, issa komplew jiżvelaw kif fuq din tal-President, il-grupp parlamentari huwa maqsum.
Il-forza l-aktar konservattiva u li għandha l-appoġġ tal-establishment tinsab kuntenta li Grech tefa’ tliet ismijiet li tnejn minnhom żgur huma meqjusa konservattivi filwaqt li Deputati oħrajn spiċċaw jiddieħqu bi Grech minħabba l-ismijiet li mbotta.
Din tal-aħħar hi xi ħaġa li nnota wkoll il-Perit Michael Falzon fl-artiklu tiegħu fil-Maltatoday bit-titlu ‘The gravitas of the presidency’.
Falzon saħaq li l-għażla tal-Kap tal-Istat Malti mhiex xi logħba kif irriduċiha Bernard Grech.
Qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni qed jilgħab logħba perikoluża u dan mhux il-mod kif isiru l-affarijiet għax timmina l-Presidenza.
Falzon innota wkoll il-qasma fil-grupp parlamentari Nazzjonalista anki fuq għażla ta’ figura li għandha tkompli tgħaqqad lill-Maltin.