Il-Partit Nazzjonalista ma riedx lin-nies joħorġu jivvutaw f’numru lokalitajiet għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali. Dan sar permezz ta’ mossa kkordinata mit-tmexxija tad-Dar Ċentrali li llimitat il-kandidati f’21 Kunsill Lokali madwar Malta u Għawdex.
Il-Partit Laburista espona dan f’konferenza tal-aħbarijiet, indirizzata mid-deptuti Mexxejja tal-Partit Laburista Chris Fearne u Chris Cardona u l-President tal-Partit Laburista Daniel Micallef.
Il-President tal-Partit Laburista, Daniel Micallef spjega kif il-Partit Nazzjonalista qed jilgħab bid-demokrazija ta’ pajjiżna wara li f’għadd ta’ lokalitajiet, il-Partit Nazzjonalista daħħal biss kandidatura waħda.
Sostna kif ironikament, dan il-logħob ġej minn persuna li ma jgħaddiex Ħadd wieħed li ma jiftaħarx kemm iħobb jiġġieled għad-demokrazija.
“Din hija logħba li l-PN ipprova jilgħab huwa grazzi għall-Partit Laburista li grazzi għall-kandidatura b’saħħitha li għandu il-poplu se jkollu l-opportunità li jivvota u aħna qegħdin hawnekk biex inħeġġu lin-nies sabiex jeżerċitaw id-dritt tagħhom u ma jħallux lil min ma riedhomx jesprimu d-dritt tal-vot tagħhom fl-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali li tgħaddi tiegħu”
Id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Chris Cardona qal li l-kampanja kontra pajjiżna minn barra minn xtutna se tissokta anke f’Malta stess b’logħba sħiħa intiża sabiex ixxekkel id-demokrazija f’pajjiżna waqt l-elezzjonijiet lokali.
“Importanti li ma nħallux dan l-eżerċizzju jaħrabilna minn idejna u li imbagħad sussegwentament jiġi użat mill-pn barra minn malta biex tiġi kkritikata malta u d-demokrazija tagħha,” qal Dr Cardona.
Id- Deputat Prim Ministru Chris Fearne innota li fil-25 ta’ Mejju, l-Partit Nazzjonalista ma jridekx toħroġ tivvota u jridek toqgħod id-dar. Dan minħabba manuvri bil-kandidati biex ma jkunx hemm għażla bejn il-kandidati u ma jkollokx għażla lil min trid tivvota.
“IL-PN f’dawn il-lokalitajiet ma jridekx toħroġ tivvota. Ir-risposta tal-votanti f’dawn il-lokalitajiet se jkun vot qawwi biex jagħti risposta ċara lil min irid ixekkilu l-għażla,” qal id-Deputat Prim Ministru.
Għal din l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali f’isem il-Partit Laburista se jkunu qed jikkontestaw 399 kandidat bil-kontra tal-296 li għandu l-Partit Nazzjonalista.
Il-Partit Laburista żied il-kandidatura tiegħu b’aktar minn 26 kandidat meta mqabbel man-numru ta’ kandidati li ħarġu fl-elezzjonijiet tal-2013 u l-2015.