Seta’ kien hemm mumenti fejn il-Partit Nazzjonalista ħaseb li jieħu passi bis-serjetà kontra Samuel Azzopardi, li saq taħt l-effett tal-alkoħol u agħar minn hekk irrifjuta li jagħmel it-test tan-nifs. Iżda dan kollu sfuma fix-xejn, għaliex il-Partit Nazzjonalista ma sabx il-kandidati li xtaq fuq Għawdex u għalhekk, fi kliem imkejjen li tkellmu magħna, ma setgħux jitilfu lill-avukat Azzopardi wkoll.
Fuq Għawdex il-Partit Nazzjonalista għandu problema kbira. Bl-eks Ministru Giovanna Debono mhux se tkun kandidat (mhux minħabba l-allegat każ tax-xiri tal-voti b’xogħol pubblilu, iżda għax iddeċidiet li tirtira) il-Partit Nazzjonalista qed ifittex kandidat jew tnejn ta’ profil għoli u sa issa kienu rrifjutati kollha t-talbiet li saru mit-tmexxija.
Qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali kienu pprovaw jikkonvinċu lill-psikjatra Anton Grech, minħabba li huwa persuna popolari ħafna bix-xogħol professjonali li jagħmel. Iżda, kien kollu għalxejn . Għalhekk din id-darba daru fuq oħtu, l-avukat Georgine Grech.
one.com.mt huwa infurmat li fl-aħħar jiem tela’ Għawdex jipprova jikkonvinċiha l-eks Kummissarju Ewropew Joe Borg, li jmexxi l-Kummissjoni għall-Approvazzjoni tal-Kandidati. Tkellmet magħha wkoll is-Segretarju Ġenerali, Rosette Thake. Għalkemm sa issa dan mingħajr suċċess.
Quddiem dan kollu mar tajjeb Samuel Azzopardi għax il-Partit Nazzjonalista rraġuna li ma jistax jitlef avukat li huwa wkoll Sindku anke jekk għandu mdendla fuq rasu sentenza tal-qorti li ratu jeħel multa u saħansitra sospensjoni tal-liċenzja.
Fid-Dar Ċentrali għadha ddur ukoll l-idea li jekk kollox jibqa’ kif inhu f’Għawdex jikkontesta l-Kap Nazzjonalista, Simon Busuttil.
Dan mistenni jkun interpretat mill-istrateġisti tal-partit bħala sinjal ta’ kemm Għawdex, li fl-aħħar elezzjoni ntrebaħ mill-Partit Laburista, qed jingħata importanza. Għalkemm fil-verità hi li jaf Busuttil se kun qed jimla toqba li ma ried jimla ħadd.