Il-Partit Nazzjonalista reġa’ wera la kellu u, wisq inqas, għandu soluzzjonijiet għal sfidi fil-provvista tad-dawl, li jinqalgħu f’każi ta’ emerġenza kif seħħ ilbieraħ u nirien f’cable prinċipali wassal għall-qtugħ f’Għawdex.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Enerġija, Ryan Callus, u l-Kelliem għall-Infrastruttura, Joe Giglio, ma kinux jafu jagħtu soluzzjonijiet f’każi ta’ sitwazzjonijiet simili ta’ emerġenza, waqt li nfexxew fis-soltu attakki u negattività.
Mistoqsijin minn ONE News dwar kif il-pajjiż jista’ jevita ċirkostanzi ta’ inċidenti simili, ir-rappreżentanti tal-Partit Nazzjonalista ma pproponew xejn. Minflok, bħas-soltu, infexxew jattakkaw lill-Gvern Laburista, għax skonthom, hi l-politika tiegħu li wasslet għal dawn il-ħsarat.
Iffaċċjati bl-investiment attwali ta’ €55 miljun biex tissaħħaħ l-infrastruttura tal-elettriku f’pajjiżna, kemm fil-cables ta’ vultaġġ għoli u anke dak baxx, il-kelliema Nazzjonalisti l-istess ħarbu mill-mistoqsijiet.
B’rabta mal-qtugħ fil-provvista tal-elettriku fis-sajf tas-sena l-oħra, fejn il-Partit Nazzjonalista kien waħħal f’kollox, minbarra fit-temperaturi għoljin, kif għadu kemm ġie kkonfermat mir-rapport tal-Awditur Ġenerali, il-kelliema pprovaw jirredikolaw is-sitwazzjoni billi qalu li l-fenomenu tas-sħana ilu jeżisti minn qabel Gvern Laburista.
Qal, “Ma nistgħux ngħidu għat-temperaturi. It-temperaturi diġà tkellimt u aċċennajt għalihom. Hu fenomenu tat-tibdil fil-klima li ma bediex meta tela’ l-Labour fil-Gvern fl-2013 ta, ilu ġej snin”.
Minkejja dan, l-istess kelliema ma kinux kapaċi jindikaw x’għamel l-aħħar Gvern Nazzjonalista biex isaħħaħ id-distribuzzjoni sal-2013. Fil-fatt meta mistoqsijin b’mod speċifiku dwar x’tip ta’ investimenti saru sa dak iż-żmien, reġgħu ħarbu mis-suġġett.
Qal, “Grazzi tad-domandi tiegħek. Semmejt il-ħaddiema…”
Waqt li Callus ħarab mill-mistoqsijiet, hu magħruf sew kif l-aħħar Gvern Nazzjonalista bilkemm kien jinvesti fis-sistema tad-distribuzzjoni, waqt li kien saħansitra ħalla tliet ċentri ta’ distribuzzjoni ġebel u saqaf u mingħajr xi tip ta’ apparat fihom kif inhu meħtieġ.
Dan kien il-każ għaċ-ċentri ta’ distribuzzjoni f’St Andrews, Manoel Island u x-Xewkija, Għawdex, bil-konsegwenzi ta’ provvista dgħajfa fl-inħawi kollha li jiċċirkondawhom. Kellhom ikunu Gvernijiet Laburisti li jinvestu f’dan kollu.
Dan bil-maqlub għall-akbar investiment li mbarkat fuqu l-Enemalta b’tisħiħ u tibdil ta’ cable antiki wara deċiżjoni mill-Gvern, immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela, biex ma tirrepetix il-problema tas-sajf li għadda u l-pajjiż ikun iżjed imħejji għaż-żidiet fit-temperatura.
Sadanittant aktar kmieni l-Erbgħa, l-Enemalta ħabbret li reġġgħet lura l-provvista tad-dawl fil-gżira Għawdxija wara li wieħed mill-cables prinċipali ħa n-nar, bil-konsegwenza li kien hemm interruzzjoni fil-provvista, anke sakemm saru t-tiswijiet neċessarji.
Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kellhom jissejħu fuq il-post biex jikkontrollaw in-nirien, filwaqt li, bħala miżura ta’ sigurtà, l-Enemalta kellha tissospendi l-elettriku fil-cables li kienu jinsabu fil-culvert taħt l-art.
It-timijiet tad-distribuzzjoni tal-Enemalta ħadu l-miżuri kollha meħtieġa biex gradwalment jagħtu l-provvista tal-elettriku lura lejn Għawdex.