Il-Partit Nazzjonalista qatt ma jista’ jkun kredibbli meta jitlob għar-riżenji tal-Ministri.
Qal dan il-kandidat Laburista għall-Parlament Ewropew Daniel Attard, fejn fl-istess ħin li hemm il-PN mehdi f’dagħdigħa ta’ partiġjaniżżmu fil-każ ta’ Sofia, f’kitba fuq Facebook saħaq li din il-ġimgħa kellu telefonata ma’ missier iż-żagħżugħ Adrian Borg li miet fis-27 t’Ottubru 2003 fl-iskola San Franġisk Assisi ta’ Santa Venera.
Attard qal kif meta jisma’ lid-Deputat Nazzjonalista David Agius u sħabu jitolbu r-riżenji, fakkar li “dakinhar mhux talli ma saret l-ebda inkjesta pubblika u ma ntrefgħet ebda responsabbiltà politika, talli l-Gvern ta’ dak iż-żmien (li tiegħu kien parti l-istess David Agius) sikket lill-ġenituri tal-vittma u talabhom jiffirmaw ftehim biex ma jitkellmux mal-media dwar il-każ. Agħar minn hekk, l-istess Gvern intervjena direttament biex iwaqqaf triq milli tissemma’ għall-mibki innoċenti Adrian Borg, biex żgur jidfnu l-każ darba għal dejjem.”
L-Avukat Daniel Attard tenna li “nuqqas qatt ma jiġġustifika nuqqas ieħor, u kif ilni nsostni, mit-telf tal-ħajja ma jirbaħ ħadd. Iżda hemm differenza kbira bejn min iqis lill-vittmi bħala strument għall-gwadann politiku, u min lest li jisma’, jieħu l-lezzjonijiet, u fuq kollox jaġixxi. Jien nistaqsi, David Agius, Mario de Marco u Carm Mifsud Bonnici li lkoll kienu parti minn dawn id-deċiżjonijiet oxxeni u llum qed jitolbu r-riżenji ta’ tliet Ministri, se jerfgħu r-responsabbiltà politika? Lil hinn minn kull argument partiġjan, din hija kwistjoni ta’ kredibiltà.”