Il-Partit Nazzjonalista għadu ma ppubblikax ir-rapporti dwar il-kontijiet tiegħu jew id-donazzjonijiet li rċieva, għall-aħħar sentejn.
Irrappurtat dwar dan il-gazzetta Illum, f’dik li ddeskriviet bħala konferma oħra ta’ kif il-Partit Nazzjonalista għaddej minn kriżi amministrattiva kbira.
Ir-rapport fil-gazzetta jinnota kif dawn ir-rapporti jridu jkunu sottomessi lill-Kummissjoni Elettorali ta’ kull sena, skont il-liġi tal-finanzjament tal-partiti u wara li tagħmel l-iskrutinju tagħha, il-Kummissjoni Elettorali tippubblikahom fuq is-sit elettroniku tagħha.
Fil-fatt jekk wieħed jidħol fis-sit tal-Kummissjoni Elettorali jsib ir-rapporti għall-elfejn u wieħed u għoxrin u għas-sena l-oħra, li kienet is-sena tal-elezzjoni ġenerali.
Bil-liġi, il-partiti politiċi huma obbligati jippubblikaw iż-żewġ rapporti separati. Wieħed minnhom huwa dwar min ikun ta d-donazzjonijiet, filwaqt li donazzjonijiet ta’ ċertu ammonti jridu jkunu ddikjarati mingħand min ġew.
Fil-każ tal-kontijiet awditjati, il-partiti jridu jagħtu rendikont tal-finanzi tagħhom tul is-sena li tkun għaddiet.
Il-gazzetta kompliet tirrapporta li hekk kif ninsabu fit-tielet kwart tas-sena, ir-rapporti fiż-żewġ każi suppost kienu sottomessi lill-Kummissjoni Elettorali u ppubblikati.
Fil-każ tal-Oppożizzjoni, dawn għadhom mhumiex hemm.
Fil-fatt, l-Illum qalet li skont tagħrif li għandha, f’dan l-istadju, lanqas ġew sottomessi lill-Kummissjoni Elettorali.
Dan ifisser ukoll li għalhekk, pubblikament, għad m’hemmx rendikont tal-ewwel sentejn sħaħ tat-tmexxija ta’ Bernard Grech bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista, hekk kif l-aħħar kontijiet ippubblikati huma tal-elfejn u għoxrin – is-sena li fiha Bernard Grech inħatar Kap f’Ottubru.
Meta Bernard Grech reġa’ kkontesta għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista kien tkellem fit-tul dwar il-finanzi tal-Partit Nazzjonalista u kien qal li l-qagħda hija ħażina.
Iżda sal-lum, wieħed għadu ma jistax janalizza dan mid-dokumenti, għaliex għadhom mhux ippubblikati.
Waqt intervista li kienet saritlu mill-ġurnalist ta’ ONE News, Samuel Lucas, Bernard Grech kien ġie mistoqsi dwar għaliex il-kontijiet awditjati tal-Partit Nazzjonalista għas-sena elfejn u wieħed u għoxrin għadhom mhux ippubblikati.
Għal din il-mistoqsija, il-Kap Nazzjonalista gideb, jew ma kienx jaf li ma ġewx ippubblikati.