Is-Sezzjoni Kunsilliera PL, permezz tal-President tagħha, Mario Fava, turi d-diżappunt għal fatt li wara erba’ snin jitkellem mill-Oppożizzjoni dwar riformi fil-Kunsilli Lokali, il-Partit Nazzjonalista, ma semmiex imqar proposta waħda fuq il-Kunsilli Lokali, Segretarji Eżekuttivi u l-ħaddiema
Dan b’ paragun mal-Partit Laburista li fil-manifest tiegħu ppublika iswed fuq l-abjad mizuri li se jkunu qed jittieħdu fil-qasam tal-Gvern Lokali u mizuri oħra sabiex jissavagwardjaw l-interessi u l-pożizzjoni tas-Segretarji Eżekuttivi u l-ħaddiema klerikali.
Is-Sezzjoni Kunsilliera PL tkompli tgħid kif Gvern ġdid Laburista kkommetta ruħu li jagħti strutturali tixraq ir-responsabbiltajiet li għandu l-uffiċċju tas-Segretarji Eżekuttivi sabiex dan jidħol fi skala taċ-ċivil sabiex is-Segretarji kollha jkollhom serħan il-moħħ u rikonoxximent bħala Office-in-scale.
Is-Sezzjoni żżid tgħid li dan se jwassal sabiex ir-rwol tagħhom ikollu skalatta marbuta sabiex is-Segretarju Eżekuttiv ikun jista’ jibqa’ tiela sa skala 4 bħala inċentiv ta’ progress fil-karriera tagħhom. Bl-istess mod, tgħid is-Sezzjoni, Gvern Ġdid Laburista se jkun qed jara li jitjiebu wkoll is-salarji u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema klerikali kollha tal-Kunsilli Lokali.
Dan kollu b’ kuntrast mal-Partit Nazzjonalista fejn minkejja li kellu ż-żmien kollu sabiex jippublika l-manifest tiegħu tant li ppublikah ftit sigħat qabel il-votazzjoni ta’ dawk li jivvutaw kmieni, ma semma xejn la dwar is-Segretarji Eżekuttivi u l-ħaddiema u wisq u wisq inqas il-Kunsilli Lokali, li tant jiftaħar li jemmen fihom.
Is-Sezzjoni tagħlaq l-istqarrija tagħha billi tiddeplora l-aġir tal-Partit Nazzjonalista li kien biss wara pressjoni li saret minn numru żgħir ta’ Segretarji Eżekuttivi, li dan se jiltaqa’ magħhom u mhux b’konvinzjoni għax tassew jemmen fihom. Għax jekk il-Partit Nazzjonalista ma jwettaqx dak li jwiegħed, kif se jwettaq dak li ħalla barra mill-manifest elettorali tiegħu?