Diversi organizzazzjonijiet, flimkien mal-Partit Laburista u l-ADPD, ħarġu stqarrija konġunta biex jikkundannaw l-kliem ta’ mibegħda li sar kontra l-avveniment sempliċi ta’ żifna bi tħejjija għall-Europride 2023, li se tiġi organizzata f’pajjiżna xahrejn oħra.
Minkejja dan, il-Partit Nazzjonalista kien kompletament assenti, anke jekk fl-aħħar jiem esponenti tiegħu stess tefgħu l-ħatab fuq in-nar meta argumentaw li t-tfal ma kienx f’posthom f’attività ta’ żfin miftuħa għall-familji.
L-istqarrija konġunta appellat għall-maturità u responsabbiltà minn individwi, li ddeċidew li jużaw l-midja soċjali biex ixxerdu kummenti diskriminatorji u mibegħda lejn persuni LGBTIQ+.
Ġie spjegat kif l-avveniment inkwistjoni, Dancing with Pride, kellu l-għan li jiċċelebra d-diversità, l-inklussività u l-għaqda, waqt li dan kien addattat għal kull età minn tfal sa anzjani.
Minkejja l-passi ta’ ġgant li pajjiżna għamel favur l-inklussività, l-istqarrija rrimarkat kif sfortunatament ċerti persuni, fosthom politikanti, iġġudikaw u stigmatizzaw familji, li volontarjament iddeċidew li jieħdu sehem f’din l-attività.
L-ewwel li fetaħ il-kanuni kien il-Kelliem Ewlieni Nazzjonalista għall-Edukazzjoni Justin Schembri, li staqsa jekk huwiex xieraq li t-tfal ikunu involuti f’dak li sejjaħ bħala dimostrazzjonijiet. Miegħu kompla l-Eks Deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo, li ddikjara li, x’jemmen il-Gvern fuq l-ugwaljanza, mhux biċċa tat-tfal.
Il-Partit Nazzjonalista għandu fergħa speċifika favur persuni LGBTIQ+ imsejħa FOIPN, li wkoll baqgħet ma kkummentat xejn dwar l-aġir ta’ esponenti fl-istess Partit.
F’kummenti ma’ ONE News, l-opinjonisti Russell Sammut u Jeremy Camilleri nhar it-Tlieta qalu li l-kummenti kontra ż-żifna Dancing With Pride, li ttellgħu fuq Facebook mill-esponenti tal-Partit Nazzjonalista, kienu biss redikoli u biex jipprovaw jippreġudikaw.