L-ikbar theddida għas-sistema finanzjarja ta’ pajjiżna, inkluż il-mod kif titħaddem it-taxxa, hu l-Partit Nazzjonalista. Dan għax permezz tal-Membri tal-Parlament Ewropew tiegħu l-Partit Nazzjonalista kien spalla ma’ spalla ma’ min attakka s-sistema finanzjarja ta’ pajjiżna kontinwament, qal il-Partit Laburista.
Fi stqarrija il-PL qal li Roberta Metsola u David Casa appoġġjaw u ġabu Malta jikteb ir-rapport lil min ried ipinġi lil Malta bħala ‘tax heaven.’ Min rewwah kontra Malta ma jitwemminx meta jgħid li jrid jiddefendiha.
Kienu l-MEPs tal-Partit Laburista u Ministri tal-gvern li kontinwament ddefendew lil Malta minn dawn l-attakki, kompliet tgħid l-istqarrija.
Fuq kollox fil-manifest elettorali tiegħu l-Partit Laburista tkellem b’mod ċar dwar kif Membri tal-Parlament Ewropew jemmnu li kwistjonijiet ta’ tassazzjoni jibqgħu kompetenza nazzjonali u dan mhu se jinbidel bl-ebda mod, spjega l-PL.
L-MEPs tal-Partit Nazzjonalista, li ma waqfux jitkellmu kontra pajjiżna fi Brussell, illum ma jistgħux ikunu kredibbli meta jgħidu li jridu jħarsu s-sistema finanzjarja ta’ pajjiżna, temm jgħid il-Partit Laburista.