Il-Partit Nazzjonalista kien kostrett joħroġ stqarrija uffiċjali biex jiddefendi lill-ġurnalisti tal-midja tiegħu kontra attakk minn deputat Nazzjonalista stess.
Jason Azzopardi nfexx f’attakk sfrenat kontra NET News wara li din il-kamra tal-aħbarijiet ma rrappurtatx dak li qal l-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil.
Fi stqarrija ffirmata mis-Segretarju Ġenerali Francis Zammit Dimech, il-Partit Nazzjonalista nnota attakki li saru fil-mezzi soċjali fuq NET News.
Il-Partit Nazzjonalista sejjaħ dawn l-attakki, ġejjin minn fejn ġejjin, bħala inġusti u kundannabbli.
Anki l-Kap Adrian Delia attakka lil Jason Azzopardi fuq l-aħħar ġlied fil-Partit Nazzjonalista.
“Hawn min jaħdem għall-paga u l-għajxien tal-ġurnalisti u l-ħaddiema tagħna u hawn min iżeblaħ u jaħdem kontrihom”, saħaq Delia fuq il-profil tiegħu fuq facebook filwaqt li wera x’kiteb Jason Azzopardi.
Il-ġlied bla rażan fil-Partit Nazzjonalista, ġimagħtejn u nofs qabel l-elezzjoni għal Kap tal-partit qed ikompli jintensifika.
Fil-fatt iż-żewġ fazzjonijiet issa qed jiġġieldu għal kontroll tal-midja tal-partit stess.
Nhar is-Sibt, Adrian Delia mar fuq Facebook b’ton urtat għall-fatt li Bernard Grech, li qed jaspira li jtajjarlu rasu u jkun hu fil-pożizzjoni tiegħu, ħataflu l-programm tiegħu tas-Sibt fuq l-istazzjon tar-radju tal-Partit Nazzjonalista.
Dakinhar, Delia kien qal li din hija ġurnata sewda għall-Partit Nazzjonalista, għaliex Bernard Grech lanqas biss kien għadu kkonfermat bħala kandidat għal Kap tal-Partit Nazzjonalista, u diġà kien tħalla jaħtaf il-programmi fuq ir-radju tal-istess Partit.