F’dibattitu fuq ix-xandir nazzjonali dwar il-Malta Labour Migration Policy, li ressaq il-Gvern għall-konsultazzjoni pubblika sad-9 ta’ Frar li ġej, spikkat id-differenza ċara bejn il-Gvern, permezz tal-Ministru għall-Intern u x-Xogħol, Byron Camilleri, u d-Deputat Nazzjonalista, Ivan Castillo, li ntbagħat minflok ix-Shadow Minister, Ivan Bartolo tas-6PM.
Fuq din il-politika b’għadd ta’ rakkomandazzjonijiet, fosthom li jirdoppja l-prezz għall-permess ta’ ngaġġ ta’ ħaddiema minn pajjiżi terzi minn €300 għal €600, il-Partit Nazzjonalista ħareġ kontra.
“Illi inti tgħolli b’mod across the board is-€600 bħala registration għal work permit forsi meta inti jkollok jew skills partikolari.”
Din id-dikjarazzjoni hi kontra l-ħsieb tal-Gvern favur stabbiltà fis-suq tax-xogħol, li jżid il-prezz għall-ingaġġ ta’ ħaddiema ġodda minn barra, iżda jnaqqas il-prezz għat-tiġdid ta’ permessi ta’ ħaddiema eżistenti fis-suq.
Id-Deputat Castillo kompla bin-narrattiva tal-Oppożizzjoni anke dwar il-passi li ħa l-Gvern biex waqqaf il-ħruġ ta’ permessi għal ħaddiema ġodda fis-settur tal-Y-Plates u l-food couriers.
Passi li l-Oppożizzjoni qed titkellem kontrihom, iżda fissru tnaqqis ta’ elf ħaddiem barrani f’sena.
“Id-deċiżjoni li ħadtu intom biex inti dawn il-Y-Plates u l-food couriers waqqfulhom il-permessi, jiġifieri ma tibqgħux iġġibu iżjed jew inkella dawk li xtaqu jġeddu l-permess irrifjutajna li nġedduhom. Fuq liema bażi? Fuq liema market labour research għamiltu?”
Pronta kienet it-tweġiba tal-Ministru Camilleri, li nnota kif l-Oppożizzjoni m’għandhiex idea xi trid.
“Skużani, Ivan, però qed tħawwad. U ħa nispjegalek għalfejn. Mela inti fl-istess sentenza qed tgħid li fuq naħa ġibna żżejjed u fuq naħa oħra qed tgħid, isma’ fadal aktar gaps, jeħtieġ inġibu iżjed. Trid tiddeċiedi xi trid.”
Waqt il-programm ‘Popolin’, il-Ministru Camilleri wieġeb b’mod ċar għall-mod kif dan il-Gvern irid tkabbir ekonomiku, imma mhux à skapitù tal-pajjiż.
“Ħa nġiblek eżempju jiena … Ftit tal-ġimgħat ilu, jien, flimkien mal-Ministru Silvio Schembri, mort f’kumpanija, l-ST, din qed tagħmel investiment massiċċ, però ma żżidx ħaddiem wieħed, imma l-ħaddiema tagħha qed tħarriġhom. U din il-politika, li qed inniedu aħna, hi proprju wkoll li tħeġġeġ li jkun hemm l-upskilling u l-iskilling, tħeġġeġ li jkun hemm aktar taħriġ.”
Il-Ministru Camilleri spjega l-prinċipji ewlenin ta’ din il-politika favur il-Maltin l-ewwel.
“Qed ngħidu li ħaddiema barranin nindirizzaw u jiġu fejn meħtieġ, kif meħtieġ, f’liema numri meħtieġ u jekk jiġu hawnhekk jeħtieġ ikunu ppreparati minn qabel anke dwar l-għarfien, dwar il-kultura Maltija u anke n-normi tagħna, tas-soċjetà u anke l-valuri tagħna.”
Sadanittant tul il-programm, spikka n-nuqqas ta’ preparazzjoni ta’ Castillo li fejn ukoll spiċċa jistaqsi lill-preżentatur, minflok iwieġeb hu.
“U jien ħa nwieġbek… ħa nagħmel l-istess mistoqsija lilek.”