Il-Partit Nazzjonalista ser ikun qed jivvota kontra in-nomina ta’ Edward Scicluna bħala Gvernatur tal-Bank Ċentrali.
Fl-ewwel konferenza tal-aħbarijiet indirizzata minn Adrian Delia f’isem il-Partit Nazzjonalista wara li tneħħa minn Kap tal-Partit, huwa stqarr li l-Professur Edward Scicluna m’għandux l-abbilità li jiddefendi l-finanzi ta’ pajjiżna u l-ġid komuni. Dan għalkemm Edward Scicluna għamel terminu ta’ seba’ snin bħala Ministru tal-Finanzi ta’ pajjiżna. F’liema snin pajjiżna ħareġ mill-proċedura ta’ defiċit eċċessiv li fiha kien pajjiżna qabel l-2013 u saħansitra għamel surplus għal sena wara l-oħra.
B’żewġ deputati li sfiduċjawh, Karol Aquilina u Mario Demarco maġenbu, Adrian Delia żamm lura milli jitkellem dwar il-fatt li Jason Azzopardi ddaħħal baxx baxx lura fil-grupp parlamentari Nazzjonalista wara li sar magħruf li huwa kellu kamra f’lukanda lussuża fl-Iżrael imħallsa mill-grupp ta’ Yorgen Fenech. Dan għalkemm Adrian Delia stess kien sfiduċjat minn Kap wara li ħarġu messaġġi li huwa kellu mal-istess Yorgen Fenech. Madankollu, dwar dan huwa qal biss illi kieku jitkellem fuq il-problemi li hemm fil-Partit Nazzjonalista, kieku jimla programm sħiħ.
Delia stqarr: “M’aħniex hawn illum biex naraw jekk hemmx ‘issues’ fil-Partit, m’għandix problema, stedinni niġi, nagħmel siegħa, sagħtejn jekk trid.”
Huwa baqa’ jaħrab il-mistoqsija dwar jekk jaqbilx mad-deċiżjoni li Jason Azzopardi jiddaħħal lura fil-grupp parlamentari. Għalkemm qal li mhux ser jitkellem fuq problemi li għandu l-partit u għażel li ma jweġibx, Delia qal li hu m’għandux idu marbuta milli jitkellem.
Meta kien mistoqsi: “M’għandekx idejk marbuta?”
Delia wieġeb: “Jien għandi idejja marbuta? Kieku mhux qed nitkellem hekk?”
Meta l-Ġurnalist ta’ ONE News qallu: “Ma nafx jekk tridx tweġibni l-mistoqsija tal-ewwel inkella ngħaddi fuq…”
Delia wieġeb: Weġibtek, ara min imissu.”
Min-naħa tiegħu d-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina, b’daħka fuq wiċċu stqarr li huwa jaqbel li Jason Azzopardi jiddaħħal lura fil-grupp parlamentari Nazzjonalista u ma’ Bernard Grech meta qal li Jason Azzopardi għamel ħafna ġid lil pajjiżna.
Meta kien mistoqsi: “Taqbel mal-fatt li Jason Azzopardi reġa’ ddaħħal fil-grupp parlamentari u ma’ Bernard Grech li qal li Jason Azzopardi bħala politiku għamel ħafna ġid?”
Karol Aquilina wieġeb: “Iva u Iva.”