Il-Partit Nazzjonalista vvota kontra li jiġi ffirmat ftehim li bih iż-Żonqor jingħata lura lin-nies.
Waranofsinhar, meta l-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika fi ħdan il-Parlament iddiskuta żewġ riżoluzzjonijiet li jemendaw ftehimiet li l-Gvern Malti kellu mal-iSmartCity u mal-American University of Malta, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ta’ Bernard Grech ivvutat kontra.
Wara diskussjoni li ħadet qrib is-sagħtejn, l-Oppożizzjoni vvutat kontra ż-żewġ riżoluzzjonijiet, li waħda minnhom tista’ twassal biex art verġni fiż-Żonqor tingħata lura lin-nies, tibqa’ ODZ, u tkun parti mill-Park Nazzjonali tal-Inwadar f’Wied il-Għajn.
Wara l-vot kontra min-naħa tal-Oppożizzjoni fil-Kumitat Parlamentari, issa jmiss li dawn ir-riżoluzzjonijiet fuq żewġ ftehimiet separati minn xulxin, jiġu diskussi fil-plenarja tal-Parlament.
Iż-żewġ riżoluzzjonijiet Parlamentari, li tressqu għall-attenzjoni tal-Kumitat tal-Verifika l-ġimgħa l-oħra u li l-Oppożizzjoni ħarġet kontrihom, isemmu wkoll li art fil-Kottonera se tingħata lin-nies minflok tinbena. Dan apparti li l-iSmartCity tibqa’ tingħata l-ħajja u ssir waħda mid-destinazzjonijiet ewlenin f’pajjiżna.
Il-Prim Ministru Robert Abela kien għamel il-bidu tal-proċess imsemmi bħala wegħda li tibda sseħħ fl-ewwel mitt jum ta’ Gvern Laburista ġdid.
Permezz ta’ żewġ ftehimiet separati, il-Gvern se jikseb lura art fl-iSmartCity li se tiġi allokata għal diversi inizjattivi, fosthom ir-rilokazzjoni tal-AUM minn Wied il-Għajn u minn parti f’Bormla, li kienet se tinbena.
Fuq l-art fl-iSmartCity se jinbena wkoll il-kampus il-ġdid tal-ITS.
Mal-AUM, il-bidliet huma primarjament ibbażati fuq it-tpartit ta’ art ma’ oħra filwaqt li fil-każ tal-iSmaryCity, il-Gvern qed jimpenja ruħu li jagħmel ċertu investiment li minnu tgawdi l-komunità kollha kemm hi.
Fl-iSmartCity, l-ispazji miftuħa mistennija jiżdiedu.