Is-seduta Parlamentari tat-Tnejn filgħaxija kompliet tikkonferma l-istat ta’ konfużjoni li jinsab fih il-Partit Nazzjonalista fuq temi importanti f’pajjiżna – din id-darba dwar it-tema tal-iżvilupp.
Dan deher ċar waqt mistoqsija parlamentari li għamel id-Deputat Nazzjonalista Stanley Zammit lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi.
Il-mistoqsija kienet dwar reviżjoni, fosthom fil-proċess kontroversjali ta’ razzjonalizzazzjoni li għamel il-Partit Nazzjonalista meta kien fil-Gvern, lura fl-2006 – proċess li permezz tiegħu artijiet verġni, li huma daqs is-Siġġiewi kollu, ngħataw id-dritt li jsir żvilupp fuqhom.
Stanley Zammit: “Ministru, l-Oppożizzjoni ilha titkellem fuq il-ħtieġa ta’ reviżjoni totali fis-sistema tal-ippjanar, inkluż l-eżerċizzju li sar 17-il sena tal-local plans.”
Dan kien l-istess Deputat Nazzjonalista li ftit tal-jiem ilu ddikjara li ma jemminx li, min għandu art f’żona ta’ żvilupp, għandu jitneħħilu d-dritt li jkun jista’ jwettaq żvilupp.
Ġurnalist: “Min għandu art fabbrikabbli qed tgħidulu li se tneħħuhielu miż-żona tal-iżvilupp?”
Stanley Zammit: “Le.”
Quddiem din il-pożizzjoni kuntrastanti tal-Partit Nazzjonalista fuq dan is-suġġett, il-Ministru Zrinzo Azzopardi nnota l-inkonsistenza tal-Oppożizzjoni.
Fakkar ukoll kif il-Kap Nazzjonalista, Bernard Grech, ukoll kien iddikjara pożizzjoni simili.
“Ma tistax tagħmel dikjarazzjonijiet fuq dawn il-local plans u toqgħod tipprova tagħmel storja sħiħa fuqhom u mbagħad, meta l-kollega jiġi mistoqsi jekk art li ddaħħlet għall iżvilupp fl-2006, jekk hux se tinħareġ jew le, jgħidilna, ‘Le, mhux se jinħareġ’. Bħalma qal il-Kap tal-Oppożizzjoni qabel l-elezzjoni ġenerali, li hu ma joħroġ l-ebda art li daħlet qabel l-2006.”
Intant, il-Ministru Zrinzo Azzopardi fakkar kif, fl-aħħar jiem, Stanley Zammit kien iż-Żurrieq biex jagħti l-appoġġ lil numru ta’ residenti li oġġezzjonaw li art tiġi żviluppata minkejja li kien l-istess gvern Nazzjonalista li, fl-2006, ikkommetta din l-art għall-iżvilupp. Sal-lum, Zammit u l-Partit Nazzjonalista qed jipprovaw ikunu sieq waħda ’l hemm u s-sieq l-oħra ’l hawn biex jipprovaw jintgħoġbu ma’ kulħadd.
“Huwa faċli li mmorru nippreżentaw ruħna man-nies, ngħidilhom ħafna affarijiet, noqogħdu nippreżentaw irwieħna li se niddefendu lin-nies mill-hekk imsejjaħ żvilupp ħażin, meta dan l-iżvilupp se jkun qed isir grazzi għal dak li għamel il-PN fil-Gvern. Kunu ċari u kunu rġiel man-nies.”