Alfred Sant, Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew qal illum li l-vot tal-Membri Parlamentari Ewropej tal-Partit Nazzjonalista kontra Leo Brincat hija ġrajja tal-mistħija fejn inkisret regola tad-deheb fil-Parlament Ewropew : dik li Maltin ma jivvotawx kontra Maltin. Dr Sant qal li l-voti kontra Brincat inqalbu wara li l-PPE, l-akbar grupp politiku fil-Parlament iddeċieda li jivvota kontra n-nomina. ‘Il-PPE għamel hekk wara li l-PN qal lid-deputati tiegħu fil-Parlament Ewropew biex jivvotaw kontra Leo Brincat. Dan sar fuq skuża tal-biki. Matul is-smigħ tiegħu fil-Parlament, Leo Brincat qatt ma ġie kkritikat fuq il-kompetenza, l-esperjenza jew l-integrità tiegħu.” saħaq Alfred Sant.
Dr Sant qal li l-ħidma ta’ din il-ġimgħa fil-plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu kienet imgħarrqa bil-vot li ittieħed fil-plenarja biex jinqaleb il-ġudizzju favorevoli dwar in-nomina ta’ Leo Brincat għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri li kienet ħadet il-kummissjoni tal-Parlament dwar il-kontroll tal-baġit.
VILTA` KBIRA MILL-PN
Dr Sant qal li l-vot tal-PN kontra Leo Brincat kien vilta` kbira. “Il-kap tad-deputati Nazzjonalisti fil-Parlament Ewropew, alla jbierek, ħa sehem fl-organizzazzjoni ta’ laqgħat ma’ deputati tal-Partit tal-Popolari Ewropej favur Leo Brincat. Irid jew ma jridx, bilfors wieħed ikollu jikkonkludi li mhux sefsif fil-widnejn biss kien għaddej.”
Dr Sant qal li sa issa, fil-Parlament Ewropew dejjem inżamm l-arranġament, kif għandu jkun, li f’nomini li jinvolvu persuna Maltija, insostnulha l-appoġġ. Delegazzjonijiet oħra jagħmlu l-istess; juru għaqda nazzjonali. Fiċ-ċokon tagħna, firda bħal din turina fl-agħar dawl.