Dikjarazzjonijiet iebsa mis-Sindku tal-Mosta u eks Segretarju Parlamentari, Edwin Vassallo, li fil-jum li l-KullĦadd żvelat iktar intriċċi interni mill-qalba tal-Partit Nazzjonalista, kiteb kif l-egoiżmu jista’ jwassal biex il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jitlef l-elezzjoni.
Id-dikjarazzjoni ta’ Vassallo tixhed il-mument xejn tajjeb li għaddej minnu l-Partit Nazzjonalista fejn filwaqt li Simon Busuttil, il-Kap, qed ikun ikkritikat anke fil-miftuħ oħrajn għażlu li jagħmlu dikjarazzjonijiet favur tiegħu.
Fosthom l-istess Vassallo anke jekk kliemu jista’ jkun li rrifletta wkoll ikrah fuq il-Kap innifsu. Qal li jrid jinġibed ħabel wieħed u hawn daħħal lill-Kap.
“Hemm il-Kap u kull min hu nazzjonalist irid jaħdem biex tintrebaħ l-elezzjoni u jinsab l-interessi tiegħu nnifsu. Irid jinsa min hu u x’kien,” kiteb Edwin Vassallo.
Kien hawn li qal li l-PN ma jistax jibqa’ “każin” fejn kulħadd jimpurtah mill-interessi personali tiegħu. “Biss fil-fehma tiegħi kollox se jibqa’ kif inhu,” qal Vassallo li ma tantx wera sens ta’ ottimiżmu. “Nawgura li jkun hemm min jgħid li fil-PN is-sitwazzjoni mhux kif qed nikteb dwarha jien. Jien nemmen li s-soluzzjoni għal pajjiżna hija l-altruiżmu u mhux l-egoiżmi,” kiteb iċ-Ċasan magħruf għal kemm ilu jimmilita fil-Partit Nazzjonalsita.
Dan id-diskors intqal fil-jum li l-gazzetta KullĦadd żvelat il-manuvri li għaddejin fil-Partit Nazzjonalista b’fazzjonijiet differenti jiltaqgħu jiddiskutu s-sitwazzjoni. Jekk qatt kien hemm bżonn prova ta’ dak li konna qed niżvelaw fl-aħħar ġimgħat u xhur dawn il-kummenti huma xhieda ċara.
U filwaqt li hemm min qed ikun dirett oħrajn jagħżlu li jibagħtu messaġġ sottili. Messaġġ li jħalli lok għal interpretazzjoni, iżda min għandu jifhem jifhem. Fosthom, b’sopriża, għamel dan id-deputat Jason Azzopardi li għamel ‘share’ ta’ kwotazzjoni li tgħid: “Mexxejja li ma jisimgħux se jkunu mdawra b’nies li m’għandhom xejn xi jgħidu.
Oħrajn bħal l-eks teżorier tal-Partit Nazzjonalista qed ifittex il-likes għal Simon Busuttil. Peter Darmanin qal li jekk int nazzjonalista ta’ veru għamillu like u urih.
Dan kollu jkompli jikkonferma l-affarijiet xejn trankwilli fil-PN. Bl-imkejjen tagħna jsostnu li issa se jsir sforz kbir biex għall-festi tal-Indipendenza l-PN jidher magħqud u fakkru kif Busuttil igawdi l-appoġġ ta’ dawk li fil-PN jiddettaw l-aġenda, inkluż tiegħu.