- MA JRIDHOMX JIDHRU QUDDIEM IL-PANA COMMITTEE
Il-Partit Nazzjonalista qed juża l-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew, il-PPE, biex jagħmel pressjoni fuq il-kumitat tal-Parlament Ewropew dwar il-Panama Papers. Dan bil-għan li dan jirtira s-sejħa biex quddiemu jidhru l-Viċi Kap Beppe Fenech Adami u x-shadow Minister tal-Partit Nazzjonalista, Tonio Fenech. Oġġezzjoni simili qed iqajjimha wkoll fil-kofront tal-eks Ministru Ninu Zammit, li ssemma fi Swiss leaks.
Iż-żewġ deputati preżenti tal-Partit Nazzjonalista ssejħu quddiem dan il-kumitat minħabba li kienu involuti bħala diretturi f’kumpaniji li spiċċaw f’kontroversja.
B’reazzjoni għal meta l-aħbar ħarġet pubblikament il-Partit Nazzjonalista qal li Beppe Fenech Adami u Tonio Fenech m’għandhomx problema jidhru quddiem il-kumitat. Għalkemm akkuża lill-kumitat li qed iċedi għal xi tip ta’ pressjoni meta sejjaħ lil dawn it-tnejn.
Iżda, tagħrif li għandha l-gazzetta KullĦadd juri kif fl-aħħar jiem għaddiet korrispondenza maħsuba biss biex sal-20 ta’ Frar, il-jum li l-kumitat tal-Panama jiġi Malta, jipprovaw jikkonvinċu lill-membri tal-kumitat biex Fenech Adami u Fenech jeħilsuha.
Jidher li l-PANA committee, kif inhu magħruf uffiċjalment, sejjaħ lil dawn iż-żewġ deputati għaliex huwa ċar li meta twaqqaf ingħata xogħol li jmur lil hinn mill-Panama Papers.
Il-kumitat irid jinvestiga s-sistemi ta’ taxxa fil-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea u kemm dawn qegħdin ikunu effettivi fil-ġlidiet tagħhom kontra l-evażjoni u l-ħelsien mit-taxxa.
Iridu jinvestigaw ukoll il-liġijiet tal-Unjoni Ewropea b’rabta ma’ ħasil ta’ flus. Fil-fatt il-parir hu biex il-kumitat ma jillimitax ruħu għall-kwistjoni tal-Panama Papers.
Saħansitra hemm dokument bit-titlu “The Mandate of the Panama Inquiry Committee – An Assessment” li sar mid-Direttorat Ġenerali tal-Politika Interna li jgħid li l-enfasi tal-kumitat għandu jkun li jistudja kif setgħu fallew direttivi tal-Kummissjoni Ewropea b’rabta mad-dinja finanzjarja. Jitkellem ukoll dwar l-intermedjarji, dawk li jiffaċilitaw il-ftuħ tal-kumpaniji bħalma kienet tagħmel il-kumpanija Fenlex, li imsieħba fiha hemm il-President tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalsita Ann Fenech.
Intant, Beppe Fenech Adami ssejjaħ minħabba l-każ ta’ Capital One.
Każ li ħareġ fid-disgħa ta’ Ottubru tas-sena li għaddiet wara artiklu fil-Maltatoday bit-titlu “Money laundering investigation was not pursued when Fenech Adami’s name cropped up”.
F’dan l-artiklu ssemma kif l-awtoritajiet Olandiżi talbu l-għajnuna tal-pulizija f’Malta f’investigazzjoni kbira dwar ħasil ta’ flus, iżda għal xi raġuni l-investigazzjoni waqfet wara li tfaċċa isem Beppe Fenech Adami. Fenech Adami kien direttur ta’ Baltimore Fiduciary, il-fiduċjarja ta’ Capital One, il-kumpanija fiċ-ċentru tal-investigazzjoni mill-iktar serja.
Dwar dan il-każ din il-ġimgħa sar magħruf ukoll li l-Imħallef Joseph D. Camilleri, bħala ċ-Chairman tal-Bord ta’ inkjesta maħtura mill-Prim Ministru talab biex minflok din il-ġimgħa, kif oriġinarjament skedat, l-inkjesta titlesta erba’ ġimgħat wara, bil-għan li l-bord ikun jista’ jwettaq l-inkarigu tiegħu bl-aħjar mod possibbli. U l-Gvern laqa’ din it-talba.
Min-naħa l-oħra Tonio Fenech huwa involut bħala direttur ta’ Falcon Funds. Fond investigat fl-Iżvezja minħabba kif pensjonanti kienu allegatament frodati u saħansitra l-Malta Financial Services Authority għaddietu f’idejn awditur indipendenti. Għalkemm jirriżulta li l-kumitat tal-Panama jaf jistaqsi dwar kumpaniji oħra li huwa involut fihom l-eks Ministru tal-Finanzi.