Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech irid l-indħil tal-politiku dwar deċiżjonijiet jekk isirx żvilupp fuq art verġni.
Dan flok deċiżjoni mill-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar.
Wara li Gvern Nazzjonalista ppermetta li art verġni daqs is-Siġġiewi ma tibqax parti minn żona barra l-iżvilupp u b’hekk jista’ jsir fuqha xi żvilupp, issa jrid li l-permess għal żvilupp jagħtih il-politiku fil-Parlament.
F’konferenza tal-aħbarijiet wara li Bernard Grech semma dan, waħda mill-kelliema f’isem il-Partit Nazzjonalista qalet li l-politiċi għandhom ikollhom il-poter jiddeċiedu jekk isirx żvilupp jew le f’art barra iż-żona ta’ żvilupp.
Ma għaddietx nofs minuta li fil-konferenza tal-Partit Nazzjonalista, din l-istess kandidata daret bħal pinnur.
Qalet, “Jista’ jiġi jiġifieri, per eżempju u jgħid ‘Iva se nibnuha din.’ Ma naħsibx ħadd m’għandu jkollu l-poter fuq l-ambjent. Aħna Malta, tant kemm aħna żgħar u art ċkejkna, li naħseb l-art hija l-akter ħaġa prezzjuża li għandna. Taħseb li għandna nħallu bniedem jew kabinett ikollu dak il-poter f’idejh?”
Imbagħad fl-istess konferenza tal-aħbarijiet, il-Kelliem tal-Kap ikkonferma kemm Bernard Grech ma jista’ jbiddel xejn għax imdawwar b’żewġ galloppini li kienu wara d-deċiżjoni li art verġni tingħata għall-iżvilupp skont il-pjanijiet lokali ffissati minn Gvern Nazzjonalista.
Qal, “Dak li huwa permessibbli llum jibqa’ permessibbli.”
Bernard Grech ħatar lil Ray Bezzina bħala l-id il-leminija fl-uffiċċju tiegħu, dak li kien chief of staff ta’ George Pullicino li taħtu saru l-pjanijiet lokali tal-2006 u fl-istess Ministeru kien hemm Chris Ciantar.
Lil dan tal-aħħar Bernard Grech għażlu r-rappreżentant tal-Oppożizzjoni fuq il-bord tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA.