“F’kull innovazzjoni li se nagħmlu, aħna se nibqgħu spalla man-negozji tagħna. Aħna n-negozji rridu ninċentivawhom u mhux nitfgħulhom aktar piżijiet.”
Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Partit Laburista f’konferenza tal-aħbarijiet it-Tlieta filgħodu hekk kif ġew sostnuti l-miżuri u proposti tal-Partit Laburista għan-negozji għal-leġislatura li jmiss.
“Aħna mhux il-Gvern tal-kastig iżda l-Gvern tal-inċentiv,” tenna l-Partit Laburista hekk kif nnota wegħda numru 12 tal-Partit Nazzjonalista fejn fil-manifest elettorali tiegħu qed jgħid li biex il-pensjonaijiet jibqgħu sostenibbli, is-settur privat irid jibni fond ġdid għall-pensjonijiet f’pajjiżna.
Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri tenna li din hija l-istess wegħda bħal dik li ppropona l-eks Kap Simon Busuttil fl-2017 u b’hekk billi l-Partit Nazzjonalista qed jgħid li l-pensjonijiet mhumiex sostenibbli aħseb u ara kemm se jżidhom.
Wegħda li fil-fatt tfisser li trid tiġi implimentata bolla oħra li għandhom iħallsu n-negozji.
Hawn il-Ministru Schembri spjega kif fil-fatt taħdem din il-proposta li simili bħalha hemm f’pajjiżi oħra bħar-Renju Unit.
“Ifisser allura li kull kumpanija bil-proposta tal-Partit Nazzjonalista apparti l-bolla li hemm preżenti tkun trid tħallas bolla oħra ta’ 10%. Pereżemju jekk inti għandek negozji li jimpjega 10 ħaddiema u dawn jaqilgħu kull wieħed €20,000 il-piż il-ġdid li se jkun qed jerfa’ negozju taħt il-Partit Nazzjonalista huwa ta’ €20,000 oħra f’kontribuzzjonijiet fuq 10 ħaddiema”, saħaq il-Ministru Schembri.
Minn naħa tiegħu d-Deputat Laburista Jonathan Attard rrimarka wkoll l-wegħda tal-Partit Nazzjonalista li jagħti inċentiv biss lin-negozji skont kemm jissodisfaw kriterji stabbiliti tal-ESG (Environmental, social and corporate governance).
Id-Deputat Laburista Dr Jonathan Attard tenna kif il-Partit Nazzjonalista ma ta l-ebda dettalji dwar din il-wegħda.
Dan ukoll għall-inċentiv x’jirrikjedi speċjalment fid-dawl li madwar l-Ewropa kollha huma biss 11,000 kumpanija li huma mitluba jżommu ruħhom ma’ kriteji tal-ESG.