Il-Partit Nazzjonalista jrid jiddistingwi lill-ħaddiema f’pajjiżna u jaqsamhom f’żewġ klassijiet fejn għandha x’taqsam iż-żieda tal-għoli tal-ħajja li tingħata fil-baġit, dik magħrufa bħala l-COLA.
Dan innotah il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana fuq il-programm ‘Awla’ fuq ONE, waqt li kien qed jiddibatti mal-Kelliem Nazzjonalista Graham Bencini.
Hawnhekk, il-Ministru Caruana b’mod skjett staqsa mistoqsija lill-Kelliem Nazzjonalista.
Qal, “Intom qed tgħidu li l-COLA ma tintaxxawhiex. F’każ ta’ ħaddiema, li ma jirċevux il-COLA, għax ikollhom ftehim kollettiv, jiġifieri min ikollu ftehim kollettiv ikun kopert miż-żidiet, f’dak il-każ kif ħa tkunu qed tindirizzawh dak il-ħaddiem? Jiġifieri ħa jkun hemm kategoriji ta’ nies li nintaxxawhom u oħrajn le?”.
Viżibiliment skomdu u mgerfex bil-mistoqsija, id-Deputat Nazzjonalista ma kienx jaf eżattament x’laqtu, anke jekk hu l-Kelliem uffiċjali tal-Oppożizzjoni għall-finanzi.
Bil-Ministru Clyde Caruana jwieġbu minnufih li dan ifisser, fi kliem sempliċi, li, għall-Partit Nazzjonalista, dawk bi ftehim kollettiv fejn iż-żidiet tagħhom huma inkorporati minn qabel se jibqgħu jħallsu t-taxxa, iżda l-oħrajn se jiffrankawha.
Qal, “Illejla għandna konferma li l-Partit Nazzjonalista se joħloq żewġ kategoriji f’dan il-pajjiż. In-nies li jirċievu l-COLA kull sena, għax mhux kulħadd jirċeviha dik. Għaliex? Dik jirċeviha min ma jkunx, il-ħsieb tagħha tal-COLA hu li minn min mhux kopert bi ftehim kollettiv ikollu l-€5.24. Mela dak għadek kif għamilt ammissjoni li dak mhux se jkun intaxxati, tajjeb, u semgħaha kulħadd. Min ikun u anke l-Gvern. Il-Gvern, il-ħaddiema tiegħu ma jagħtihomx il-€5.24, fis-Settur Pubbliku kollu, għax l-unjins u, fil-fatt wasalna biex niffirmaw ftehim kollettiv ieħor, li jagħmlu hu li jaqblu kemm ħa jkunu ż-żidiet għall-għoli tal-ħajja minn issa sa sitt snin oħra u allura kull min f’dan il-pajjiż ikollu ftehim kollettiv, ma jkollux il-COLA, għax dik tkun parti intrinsika mill-ftehim kollettiv. Issa inti b’dak li għadek kemm għedt, ikkonfermajt li tal-€5.24 ma nintaxxawhomx, imma l-oħrajn nintaxxawhom b’kollox. Dak li għadek kemm għedt se joħloq, għax għalhekk staqsejtek jiena fil-bidu nett, kif se tkunu qed tittrattawhom u qbadtli mal-€5.24 biss, dawn għedtli dawn jiġu intaxxati, kif qed jiġri llum il-ġurnata. Dak kemm għadek kemm ikkonfermajt se joħloq żewġ klassijiet ta’ ħaddiema.”