Il-Partit Nazzjonalista ħareġ jattakka lill-Kunsillier tiegħu f’Bormla u li ħallih imdendel u waqfu milli joħroġ għall-elezzjoni tal-Kunsill Lokali ta’ Bormla tat-8 ta’ Ġunju li ġej.
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista akkuża lil James Cauchi bi ksur tal-istatut.
Il-Partit Nazzjonalista qal li finalment, l-Amministrattiv tal-partit iddeċieda li ma jħalliex lil James Cauchi joħroġ għall-elezzjoni f’ismu.
Cauchi qed isostni li l-Partit Nazzjonalista ma għarfux bid-deċiżjoni uffiċjali u ħallih imdendel sal-aħħar ħin li jagħlqu n-nominazzjonijiet għall-elezzjoni, bil-konsegwenza li tilef iċ-ċans li jkun kandidat biex ikompli jaħdem għall-ġid ta’ Bormla.
F’intervista esklussiva ma’ ONE News, James Cauchi qal li ismu ma bediex jitla’ għad-diskussjoni biex jiġi approvat bħala kandidat minkejja li t-tmexixja tal-Partit Nazzjonalista assiguratu li ma hemmx problemi.
Cauchi ilu mat-30 sena Kunsillier mal-Partit Nazzjonalista u jinsab dispjaċut għal mod kif ġie mċaħħad mill-partit tiegħu u fil-fatt fetaħ protest ġudizzjarju.
Qal li l-Partit Nazzjonalista li kien jaf, spiċċa.
Sostna li l-partit ta’ Bernard Grech għandu bżonn jieqaf jumilja lin-nies tiegħu stess u qal li kulħadd għandu jkun jaf kif dan il-partit qed jitmexxa.
Saħaq ukoll li hu qed jippubblika l-istorja kollha għax ma għandux x’jaħbi.
Aqra wkoll: