Permezz tad-Deputat Graziella Galea, il-Partit Nazzjonalista baqa’ jiddefendi lil Joe Ellis wara li ċeda Bernard Grech.
Dan hekk kif ħareġ li d-Deputat Nazzjonalista Joe Ellis stess ammetta li kellu interess fi proġett infrastrutturali f’Għawdex li dwaru huwa stess kien għamel pressjoni fil-Parlament.
Meta mistoqsija minn ONE News waqt konferenza tal-aħbarijiet, jekk taqbilx mal-Kap Bernard Grech li l-istorja ta’ Ellis hija magħluqa, hija saħansitra spiċċat tgħid li d-dellijiet ta’ Ellis huma gidba.
Kienet il-gazzetta KullĦadd, li kienet żvelat kif filwaqt li fil-Parlament Ellis kien qed jagħmel pressjoni b’tali mod li jinfluwenza r-rata li bih jimxi x-xogħol fuq il-proġett tal-Gvern f’toroq f’Għajnsielem u limiti tan-Nadur, il-kumpanija tiegħu bil-moħbi kienet qiegħda tipprovdi kwantità ta’ materjal tal-kostruzzjoni għall-istess proġett.
Imkejjen fid-Dar Ċentrali qalulna li l-Kap Bernard Grech kellu pressjoni biex Joe Ellis, Avukat ukoll tal-għaqda Repubblika, jibqa’ u ma jitwarrabx.
Din il-pressjoni kibret speċjalment wara r-rapport tal-gazzetta Illum tal-Ħadd, li kompla ma’ dak li kienet qed tirrapporta l-gazzetta KullĦadd sa mill-bidu.
Konxju li d-dellijiet fuq Ellis huma serji Bernard Grech ħareġ jgħid li l-każ huwa magħluq bi Graziella Galea tkompli tipprova tmewwet is-serjetà tad-dellijiet fuq deputat ieħor Nazzjonalista.
Madankollu, informazzjoni li għandu f’idu ONE News turi kif dan il-każ huwa altru milli magħluq.