Il-Partit Nazzjonalista ta’ Bernard Grech kompla jiddefendi lid-deputat David Thake wara li nqabad li żamm aktar minn kwart ta’ miljun ewro f’butu li kien dovut fi ħlas ta’ taxxa.
L-aktar att riċenti ta’ difiża lejn id-deputat li jindiehes sew mal-establishment Nazzjonalista wasal mill-Viċi Kap Nazzjonalista David Agius.
Meta mistoqsi mill-ġurnalisti dwar jekk David Thake għandux jirriżenja minn membru parlamentari sakemm qed ikun investigat, Agius stqarr li sakemm m’hemmx każ fuqu fil-Qorti huwa m’għandux għalfejn jħalli s-siġġu tal-Parlament.
Fil-faċċata tal-gazzetta The Times kien ġie rrapurtat kif David Thake għandu ftit aktar minn mitejn u sebgħin elf ewro f’VAT dovuta mhux imħallsa.
It-Times irrappurtat li Thake għandu kumpanija tat-telekomunikazzjoni bl-isem ta’ Vanilla Telecoms.
Id-Deputat Nazzjonalista huwa ċ-Chairperson u l-unika shareholder tal-kumpanija bbażata f’Santa Venera u li skont records online tħaddem mal-għaxar persuni.
Thake li jappoġġja, iħeġġeġ u jappoġġja l-protesti ta’ Repubblika u l-Occupy Justice, huwa personalment responsabbli għall-VAT mhux imħallsa.
L-ammont inkwistjoni kwotat mit-Times u li Thake anki ammetta li ma ħallasx huwa ta’ mitejn u sebgħin elf u erba’ mija u erbgħin ewro.
Dwar dan il-każ tad-deputat Thake, Bernard Grech ukoll jinsab ostaġġ tas-sitwazzjoni.
Dan hekk kif fuq evażjoni ta’ ħlas ta’ taxxa Grech ma jistax ilissen imqar kelma waħda hekk kif anke hu kellu tebgħat serji fuqu marbuta mal-ħlasijiet tat-taxxa u VAT.
Għalhekk, bħal kif ġara fil-konfront ta’ Jason Azzopardi meta wkoll ħarġu n-nuqqasijiet li kellu fl-iddikjarar tal-qliegħ tiegħu għal fini ta’ taxxa, Bernard Grech żamm fommu sieket.
Sorsi mid-Dar Ċentrali qalulna kif Bernard Grech jinsab idu marbuta dwar din il-kwistjoni u bħal donnu qed jitlob li din il-kwistjoni tintesa qabel tiżdied il-pressjoni fuqu biex jaġixxi.
“Issa iktar minn qatt qabel qed iħoss it-toqol tal-mankanzi tiegħu dwar ħlasijiet ta’ taxxa u VAT hekk kif in-nuqqasijiet tad-deputati tiegħu qed jagħfsu fuq spallejh” temm jgħidilna s-sors mill-istamperija.