Il-Partit Nazzjonalista ta’ Bernard Grech kompla jgħid li pajjiżna huwa marid u għandu bżonn it-tabib biex ifiq.
F’attività politika fil-każin Nazzjonalista tal-Imqabba, id-deputat Ivan J. Bartolo qal li pajjiżna għandu bżonn ifiq billi jisma’ mill-Partit Nazzjonalista.
Qal, “Dan il-pajjiż mhux se jfiq.”
Din in-narrativa tad-deputat Nazzjonalista tkompli ma’ dak li ngħad kemm mill-Kap Nazzjonalista, Bernard Grech, kif ukoll mill-Ewroparlamentari Nazzjonalista, David Casa.
Grech kien qal, “Jekk ma nagħmlux hekk, dan il-pajjiż ma jfiqx.
Casa kien qal, “Marda illi għandu pajjiżna, mhux se tkun faċli ħbieb tiegħi, illi noħorġu minnha din il-marda, jekk jibqa’ l-Gvern tal-Partit Laburista fil-Gvern.”
Il-Ħadd filgħodu, Ivan Bartolo kompla bin-narrattiva tat-tabib, fejn qabbel mal-Partit Nazzjonalista li jrid ifejjaq lill-pajjiżna.
Qal, “Jiġifieri t-tabib li lilek qed jgħidlek kif tista’ inti tieħu ħsieb lilek innifsek, it-tabib li qed iġiegħlek tħares lejn il-mera.”
Fid-diskors tiegħu, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-Gvern mhux jipprovdi biżżejjed riżorsi u investiment fil-Qrati. Qal dan minkejja li fl-aħħar xhur inħatru żewġ Imħalfin u erba’ Maġistrati ġodda – biex issa pajjiżna għandu l-ikbar ġudikatura li qatt kellu – minbarra ħidma biex jiżdied l-ispazju minn fejn jaħdmu.
Bernard Grech qal li l-Gvern abbanduna s-sistema tas-saħħa u, għal darba oħra, huwa rrefera għall-passat meta kien hemm il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern u, skontu, kollox kien sejjer tajjeb.
Qal, “X’differenza meta kellna sptar state-of-the-art.”
Fid-diskors tiegħu, Grech qal hekk ukoll dwar il-Gvern tal-Prim Ministru Robert Abela.
Qal, “mhu qed jagħmel xejn biex jiġġieled l-għoli tal-ħajja.”
Dan meta l-Gvern Laburista mmexxi mill-Prim Ministru Robert Abela, mill-bidu tal-gwerra fl-Ukrajna, sena ilu, beda jwieżen lill-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin billi jissussidja l-prezzijiet tal-enerġija, il-fjuwil, u l-qmugħ. B’kuntrast, f’pajjiżi Ewropej oħrajn, in-nies qed ikollhom jagħżlu bejn l-ikel u l-elettriku jew il-fjuwil.
F’sentejn, il-Gvern se jkun investa biljun ewro sabiex il-piż ma jispiċċax fuq il-familji.