Il-Ħadd, waqt il-ġbir ta’ fondi tal-Partit Nazzjonalista, kompla l-attakk fuq kull min hu ta’ twemmin Laburista, fejn ġew deskritti mill-ġdid bħala xi faxxa tas-soċjetà li hi inferjuri għall-bqija.
F’kumment simili għal dawk li l-membri ewlenin tal-establishment itambru ta’ spiss, daqslikieku huma biss l-intelliġenti, Matthew Vella, kandidat Nazzjonalista għall-Kunsill tal-Mellieħa, iddikjara sfaċċatament li l-votanti Laburisti mhumiex intelliġenti u dan, skontu, għal raġunijiet li jafhom kulħadd.
Qal, “Nixtieq nagħmel intervent naqra mhux tas-soltu u ibqgħu naqra miegħi ħalli tifhmuh. Ħafna drabi fuq is-social media jew anke meta nkunu qed nitkellmu bejnietna, nikkritikaw lill-partitarji Laburisti, li forsi mhumiex daqshekk, se nkun naqra skjett, intelliġenti. Ir-raġunijiet nafuhom għala.”
Din mhux l-ewwel darba li l-Partit Nazzjonalista u esponenti tiegħu għajjar lil-Laburisti injoranti u b’nuqqas ta’ intellett.
Dan jagħmluh regolarment l-esponenti tal-establishment kemm b‘diskorshom kif ukoll jiktbu, fosthom l-eks kandidat li qatt ma nġabar, Kevin Cassar, ħaten Beppe Fenech Adami, il-blogger Manuel Delia, l-Avukat Andrew Borg Cardona u l-eks Ambaxxatur fi żmien Gvern Nazzjonalista, John Vassallo, fost oħrajn.
Kemm-il darba jisħqu li, minħabba li l-Partit Laburista jinsab fil-Gvern, il-pajjiż hu marid jew marid b’kanċer, anke jekk dan ikun ifisser ir-rieda tal-maġġoranza tal-poplu Malti u Għawdxi.