Waqt vot li ttieħed fil-Parlament Ewropew dalgħodu, il-Partit Nazzjonalista vvota kontra l-interessi ta’ Malta.
Dwar dan tkellem il-Membru Parlamentari Ewropew Cyrus Engerer fit-tmiem tas-sessjoni Plenarja ta’ Strasburgu.
Il-vot kien dwar ir-rapport ReFuel EU, li jżid obbligi ambjentali li għalkemm, fihom infushom, huma importanti, mhux qed jagħmlu distinzjoni b’saħħitha biżżejjed bejn min għandu u min m’għandux għażla fil-mezzi tat-trasport li juża.
“Sitwazzjoni ta’ one-size-fits-all ma tagħmilx sens f’kuntest fejn ir-realtajiet u l-opportunitajiet huma daqstant differenti,”qal Cyrus Engerer. “Nies li jgħixu fil-gżejjer, speċjalment gżejjer li huma Stati fihom nfushom, ma jistgħux ikomplu jiġu maħnuqa b’iktar piżijiet milli diġà għandhom. Jien u sħabi vvutajna kontra dan ir-rapport għax ma jifhimx ir-realtajiet ta’ gżejjer bħal Malta. Filwaqt li nemmnu li għandna nkomplu niġġieldu t-tibdil fil-klima u nipproteġu l-ambjent, u kull pajjiż għandu jagħmel sehmu, dan il-piż għandu jkun wieħed ġust għal kulħadd.”
Engerer staqsa jekk Peter Agius, li kien kandidat tal-PN għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u li tkellem b’mod li ma jaqbilx ma’ kif ivvuta l-PN fil-Parlament Ewropew, hux se jikkundanna lil David Casa għall-mod ta’ kif ivvota fuq l-emendi mressqa fuq dan il-vot partikolari, kif ukoll fuq il-vot tar-rapport finali.
“Irridu nagħmlu minn kollox biex nissalvagwarjaw l-interessi tal-konnettività ta’ Malta u Għawdex mal-bqija tad-dinja”, temm jgħid Engerer.