Il-Partit Nazzjonalista tellef lil pajjiżna opportunità li permezz ta’ emenda fil-liġi jkunu msaħħa b’mod konkret l-awtoritajiet amministrattivi jew regolatorji f’pajjiżna.
Id-Deputati Nazzjonalisti vvutaw kontra l-emenda f’artiklu 39 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta u li kellha bżonn żewġ terzi tal-voti biex tgħaddi mill-Parlament.
Din kienet ser iżżid il-poteri tal-awtoritajiet sabiex ikunu jistgħu joħorġu multi ogħla lil min ma jkunx konformi mal-liġi fl-operat tiegħu.
Dan ifisser li awtorità bħall-FIAU kienet ser tingħata poteri akbar biex timponi sanzjonijiet f’każijiet ta’ ksur ta’ liġi fosthom fuq ħasil ta’ flus.
Waqt sessjoni ta’ informazzjoni mal-midja dwar din l-emenda, id-Direttur tal-FIAU, Kenneth Farrugia spjega kif il-liġi preżenti torbot idejn l-awtorità biex timponi multi li jkunu proporzjonalment addatati għall-persuni bi qligħ għoli.
Qal li dan ifisser li l-awtorità ma tkunx tista’ tkun effettiva hekk kif suġġett jiġi jaqbillu jkompli jikser il-liġi filwaqt li jħallas il-multa.
Huwa kompla jżid kif l-awtorità qed taħdem fuq sistemi ġodda fejn f’ċertu każijiet ikun hemm opportunità ta’ ftehim bejn l-FIAU u l-parti li tkun qed tonqos biex filwaqt li jkunu indirizzati n-nuqqasijiet sa ċertu żmien ikun hemm tnaqqis fis-sanzjonijiet imposti.
Bl-emenda kif proposta l-persuni li jkunu mogħtija l-multa kienu xorta waħda ser jingħataw d-dritt li jirrikorru għal appell ġenerali mill-Qorti jekk ma jaqblux mas-sanzjoni imposta fuqhom.
Id-deċiżjoni tal-Oppożizzjoni li tivvota kontra l-emendi jfisser li d-deputati tal-Partit Nazzjonalista telfu lill-pajjiżna opportunità ta’ iktar tisħiħ tal-istituzzjonijiet fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, it-terroriżmu u l-ħasil tal-flus.
Id-Direttur tal-FIAU saħansitra stqarr mal-ġurnalisti li bl-emenda ma tgħaddix, pajjiżna ser ikun qed isibha diffiċli ħafna iktar biex joħroġ mill-proċedura ta’ iktar moniteraġġ fl-2023.
Il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis ukoll innota r-rifjut tal-Oppożizzjoni li tingħaqad mal-Gvern fit-tisħiħ tal-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna.
Huwa qal, “Kemm smajna, kemm ilna nisimgħu snin li l-istituzzjonijiet ma jaħdmux. Hekk sejrin, ilna snin għaddejjin biha din. Kif ġejna b’xi ħaġa fejn qed ngħidu isma, ejja nżidu l-effectiveness of action, ejja nagħmlu sanzjonijiet li huma proprotionate, li huma effective. Mal-ewwel opportunità, mal-ewwel ċans li kellna bżonn id l-oppożizzjoni, tefgħuielna lura.”
Intant, fi stqarrija l-Partit Laburista saħaq kif il-Partit Nazzjonalista falla test ieħor f’ġieħ l-interess nazzjonali.
Qal li l-Oppożizzjoni ta’ Bernard Grech falliet l-ewwel test reali biex turi bil-fatti li hija lesta taħdem biex pajjiżna jwettaq ir-rakomandazzjonijiet tal-FATF.
L-istqarrija kompliet tgħid kif filwaqt li bil-paroli, il-Kap tal-Oppożizzjoni jgħid li jrid ikun mal-Gvern u l-awtoritajiet biex il-pajjiż iwettaq dan il-pjan ta’ azzjoni, bil-fatti wera mod ieħor.
Din l-emenda tressqet ukoll wara li kienet mitluba l-opinjoni tal-Kummissjoni Venezja u li kienet ippubblikata f’Ġunju li għadda.
Il-ħsieb tagħha kien li taċċerta li persuna, kemm legali jew naturali, tkun tistà tirrikori għal-Qorti tal-Appell fejn hija ma taqbilx mad-deċiżjoni fl-ewwel istanza.
B’dan l-Abbozz Malta kienet tkun qiegħda tagħmel dak li diġà jsir f’pajjiżi oħra fosthom fi Franza, fil-Ġermanja, u fl-Olanda.
Aqra wkoll:
https://www.one.com.mt/2021/07/14/il-pn-rega-falla-t-test-tal-interess-nazzjonali-il-pl/