“Il-Partit Nazzjonalista jibda jittieħed bis-serjetà meta jibda jirrispetta l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna u mhux meta jużahom biss għall-iskopijiet politiċi tiegħu.”
Qal dan il-Partit Laburista fi stqarrija hekk kif sostna li l-istandards fil-Ħajja Pubblika jitolbu li l-Kumitat Parlamentari jkun rispettat u mhux imxekkel milli jiddiskuti u jiddelibera skont il-proċeduri stabbiliti.
Il-Partit Laburista tenna li filwaqt li huwa d-dritt tal-ġurnalisti li jfittxu l-informazzjoni, daqstant ieħor huwa dmir tal-politiċi li jirrispettaw l-istituzzjonijiet li jridu jaħdmu fihom.
“L-Oppożizzjoni tqis li l-istituzzjonijiet qegħdin hemm biex jaqdu l-iskopijiet politiċi tagħha. Għalhekk ma tistax tkun kredibbli,” tenna l-Partit Laburista.
Fi tmiem l-istqarrija l-Partit Laburista qal li bħala partit politiku huwa jemmen mod ieħor. Tenna li fuq kollox il-kredibbiltà tal-Partit Laburista ġejja wkoll mill-fatt li huwa l-istess Partit li waqqaf dawn l-istituzzjonijiet.