Id-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott, li wkoll jippresiedi l-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi tal-Parlament, il-PAC, issuġġerixxa li l-entitajiet governattivi għandhom joħorġu bi pjan ta’ azzjoni biex jirranġaw nuqqasijiet li jkunu tqanqlu minn rapporti investigattivi tal-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali, l-NAO, dwar l-infieq ta’ fondi pubbliċi mill-Gvern u anke diskussi fl-istess kumitat Parlamentari fejn hu ċ-Chairman.
Minkejja dan, dak li Carabott u l-Partit Nazzjonalista qed jitolbu, ilu jsir minn direttorat apposta għal dawn l-aħħar ħdax-il sena. Kien l-ewwel Gvern Laburista ta’ wara l-2013 li ħass li, f’ġieħ it-trasparenza u l-governanza t-tajba, kellu jagħti l-importanza kollha mistħoqqa lil tali rapporti u jaġixxi fuqhom.
Fil-fatt, kull sena, dan id-direttorat joħroġ rapport speċifiku bid-dettalji kollha tal-ħidma tal-Gvern fuq ir-rakkomandazzjonijiet li jsiru mill-NAO. L-informazzjoni tiġi wkoll ippubblikata.
Qabel l-2013, tali rapporti tal-Awditur Ġenerali kienu jispiċċaw biss iżejnu l-ixkafef, għax ma kienet tittieħed l-ebda azzjoni fuqhom.
Għaldaqstant jidher ċar li l-Partit Nazzjonalista reġa’ spara bl-addoċċ bla bażi ta’ xejn, sempliċiment biex ikun populista.
Fil-kummenti tiegħu lit-Times, Carabott saħansitra pprova jimplika li Gvern Laburista qed jonqos anke fuq xi ħaġa sempliċi bħal din meta qal li “dan ma jfissirx li se nerġgħu nivvintaw ir-rota”.
“This is not re-inventing the wheel,” Carabott said.
ONE News tkellem mad-Deputat Laburista Alex Muscat, li wkoll hu Membru fil-PAC, fejn spjegalna x’jiġri fil-verità kull meta jinħareġ rapport mill-Awditur Ġenerali.
Muscat tenna kif il-Gvern jieħu bis-serjetà dawn ir-rapporti u ilu jwettaq dan ix-xogħol kruċjali għall-aħħar ħdax-il sena, bil-kontra ta’ dak li pprovat tinsinwa l-Oppożizzjoni.
“Kull rapport li joħroġ l-NAO, hemm direttorat imwaqqaf apposta fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, li jara dawk ir-rapporti kollha li jkun qed joħroġ l-Awditur Ġenerali, jagħmel pjan t’azzjoni għal kif se jiġu implimentati l-proposti kollha li jkun qed jagħmel l-NAO u jikkordina ma’ kull ministeru u entità biex proprju dawk il-proposti li jkun qed jagħmel l-NAO, l-Awditur nazzjonali, jara li jidħlu fis-seħħ.”
Qalilna kif l-Oppożizzjoni dan kollu injoratu biex “tilgħab għall-gallarija” u kif dan hu xogħol importanti li qed isir diġà. B’dan il-mod ukoll tingħata s-saħħa lill-istituzzjonijiet, bħall-Awditur Ġenerali, billi r-rapporti li joħorġu jingħataw l-importanza tagħhom u anke dak li jkun issuġġerit jiġi implimentat.
“Dik hi s-serjetà, is-serjetà li ħaddieħor għadu ma ndunax wara għaxar snin li qed isiru dawn ir-rapporti. Ir-rapporti li qed jagħmel il-Gvern huma pubbliċi. Dan id-Direttorat joħroġ dan ir-rapport b’mod annwali fejn jispjega b’mod ċar liema huma dawk ir-rakomandazzjonijiet kollha li qed jiġu implimentati, imma jidher li l-Oppożizzjoni fuq dan ma ntebħet b’xejn. Is-serjetà titlob li nkomplu nagħmlu dan it-tip ta’ eżerċizzju bħala Gvern biex inkomplu nsaħħu il-governanza f’pajjjiżna.”