Il-Partit Nazzjonalista tilef il-maġġoranza tal-ilmenti li għamel mal-Awtorità tax-Xandir fl-aħħar ftit ġimgħat u li ttieħdet deċiżjoni dwarhom.
Minn erba’ deċiżjonijiet li l-Awtorità tax-Xandir tat tul il-jum tat-Tnejn, il-Partit Nazzjonalista tilef tlieta.
Fost oħrajn il-Partit Nazzjonalista lmenta dwar nuqqas ta’ rappurtaġġ ta’ stqarrija tal-Partit Nazzjonalista fl-aħbarijiet tat-30 ta’ Settembru, dwar Steward Health Care.
Wara li daħlet fid-dettall l-awtorità tat raġuni lill-editur tal-PBS għal mod kif kienet applikata d-deskrizzjoni editorjali.
Il-Partit Nazzjonalista lmenta wkoll dwar mistiedna fil-programm Niskata.
Il-problema tal-Partit Nazzjonalista kienet li l-mistieden kien kandidat tal-Partit Laburista jitkellem dwar ix-xogħol professjonali tiegħu iżda, l-Awtorità nnotat kif dan tkellem dwar l-oqsma li hu espert fihom u mhux dwar temi ta’ politika u għalhekk tilef dan l-ilment ukoll.
Anke dwar memo interna tal-PBS maħsuba biex tikkordina aħjar il-programmi ta’ ġrajjiet kurrenti, il-Partit Nazzjonalista ressaq ilment.
Hawn l-Awtorità wkoll ma tagħtux raġun.
Qalet li ħadet konjizzjoni tal-punti mqajma u rat li dan l-ilment ma jistax jintlaqa’ minħabba li din il-miżura hija waħda interna li ħa l-istazzjon bħala direzzjoni għall-produtturi tiegħu.
Min-naħa l-oħra l-Partit Nazzjonalista ingħata kwarta ta’ reklamar dwar il-budget għax xi reklami maħsuba biex jinfurmaw in-nies dwar il-Budget kienu interpretati bħala li seta’ kellhom messaġġ politiku.
Dan kien l-uniku lment fejn il-Partit Nazzjonalista ngħata biċċa raġun biex baqgħet konsistenti x-xejra fejn il-Partit Nazzjonalista jitlef il-maġġoranza tal-ilmenti li jagħmel mal-Awtorità tax-Xandir.