Il-Partit Nazzjonalista tilef kawża dwar talba li kien għamel biex iwaqqaf lill-Awtorità tal-Ippjanar milli tneħħi billboards illegali li l-istess partit li kien għamel madwar il-pajjiż, mhux waqt xi kampanja elettorali.
F’deċiżjoni li ħadu tliet Imħallfin, fosthom il-Prim Imħallef Dr Mark Chetcuti, il-Qorti Kostituzzjonali ċaħdet l-argumenti tal-Partit Nazzjonalista li ġie diskriminat.
F’sentenza ta’ 25 paġna, il-Qorti Kostituzzjonali waqqgħet għal kollox l-argumenti tal-Partit Nazzjonalista, li kien fetaħ il-kawża fi żmien Simon Busuttil u s-Segretarju Ġenerali Rosette Thake, u l-kawża komplewha issa Bernard Grech u Michael Piccinino.
Fl-argumenti li kien ressaq, il-Partit Nazzjonalista spiċċa saħansitra jgħid li ġie diskriminat minħabba li l-billboards illegali tiegħu kellhom jitneħħew filwaqt li l-għaqdiet tal-festi, fosthom is-soċjetajiet mużikali, jistgħu jqiegħdu billboards biex jippromovu l-festa tar-raħal mingħajr ma’ħandhom il-ħtieġa jiksbu liċenzja.
Il-Qorti Kostituzzjonali xejnet l-argument tal-Partit Nazzjonalista għax skont il-liġi l-għaqdiet tal-festa għandhom eżenzjoni li jqiegħdu billboard mingħajr il-ħtieġa ta’ liċenzja sa mhux aktar minn 30 jum qabel il-festa tar-raħal.
Il-Qorti nnutat li hekk ukoll il-Partit Nazzjonalista u kwanlukwe partit politiku ieħor f’Malta għandu eżenzjoni li tippermetti li jqiegħed billboards mingħajr kisba ta’ liċenzja fi żmien kampanji elettorali u għalhekk il-Partit Nazzjonalista ma jistax joħroġ jgħid li qed jiġi diskriminat meta hu wkoll igawdi minn eżenzjoni bħal ħaddieħor.
Kien għalhekk li ngħad li, f’mumenti mhux ta’ kampanji elettorali, il-Partit Nazzjonalista, bħal kwalunkwe partit ieħor, irid jikseb permess biex iqiegħed billboard.
Hawn ġie mwarrab l-argument tal-Partit Nazzjonalista li l-liċenzji ma jgħoddux għall-billboards iżda għal aspetti oħra marbuta mal-midja, fosthom ix-xandir.
Il-Qorti rrimarkat li ma jistax ikollok anarkija għax, bl-istess mod, kulħadd jista’ jaqbad u jqiegħed billboard xħin jidhirlu hu.
Kien fuq dawn l-argumenti li l-Qorti Kostituzzjonali ċaħdet it-talbiet tal-Partit Nazzjonalista, li fuq din il-kwistjoni tal-billboards illegali li qiegħed madwar il-pajjiż mhux fi żmien ta’ kampanja elettorali, diġà ġew miċħuda talbiet oħra fosthom meta pprova jwaqqaf ordni ta’ infurzar mill-Awtorità tal-Ippjanar biex dawn il-billboards bla permess jitneħħew.