Il-Partit Nazzjonalista tilef 70% tal-ilmenti li ressaq fl-aħħar ġimgħat, mill-bidu ta’ din is-sena quddiem l-Awtorità tax-Xandir kontra x-xandir nazzjonali.
Permezz tal-Kap Nazzjonalista Bernard Grech u s-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino, il-Partit Nazzjonalista ta’ spiss jattakka l-istazzjon nazzjonali u jmur jorganizza konferenzi tal-aħbarijiet quddiem il-PBS fi Gwardamangia jallega dak li jidhirlu.
Iżda jirriżulta li f’għaxar ilmenti li fetaħ f’temp ta’ ftit jiem din is-sena, il-Partit Nazzjonalista spiċċa b’sebgħa minnhom miċħuda u tlieta oħra milqugħa, fosthom wieħed dwar il-Kamra tal-Avukati.
Il-Partit Nazzjonalista, anki permezz tal-eks Ministru Francis Zammit Dimech ilmenta fuq bosta affarijiet fosthom fuq l-istabbiltà fil-prezzijiet tal-ikel, fejn deherlu li l-PBS ma kellux jintervista uffiċjal fil-Ministeru tal-Ekonomija biex tagħti spjega tal-iskema.
Dan l-ilment ġie miċħud mil-bord tal-Awtorità tax-Xandir li fuqu hemm ukoll rappreżentazzjoni tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista.
Il-Partit Nazzjonalista anki dwar il-Eurovision ilmenta fejn l-Awtorità tax-Xandir ukoll xejnet l-ilment.
Ilmenti oħra miċħuda kienu dwar il-protesta li wettqu l-bdiewa kontra regoli tal-Unjoni Ewropea u dwar il-ħolqien tal-Awtorità dwar il-Bidla fil-Klima.
F’argumenti li ddikjarat l-Awtorità tax-Xandir għax il-PBS ma rrappurtax kontenut mimli spekulazzjonijiet ta’ stqarrija partikolari tal-Partit Nazzjonalista, intqal li fil-fatt ir-rappurtaġġ tal-istazzjon nazzjonali kien attwali u nieqes mill-ispekulazzjoni.