Il-Partit Laburista fi stqarrija qal li jemmen f’diskussjoni serja fil-qasam tal-edukazzjoni u mhux nofs kwotazzjonijiet qarrieqa u partiġġjani li għandhom l-għan li jpinġu stampa waħda.
Spjega li l-ewwelnett ir-rapport tal-World Bank, li ġie ippublikat xahar ilum, jikkwota statistika li tmur lura l-1998 f’ċertu każijiet. Persuna ta’ 16 –il sena fl-2016 tkun għamlet l-edukazzjoni bikrija, primarja u medja tagħha bejn l-2003 u l-2013 li nfakkru li kien hemm il-PN fil-Gvern. Wieħed għandu jara l-istatistika qabel jagħmel akkużi bla bażi.
Il-PL qal li l-edukazzjoni f’pajjiżna jixirqilha diskussjoni iktar serja minn politika partiġġjana li għandha l-iskop tkisser biss. Fl-istess ġurnata li l-Gvern nieda proposti pożittivi għal iktar demokrazija u trasparenza fl-Universita’ ta’ Malta, il-Partit Nazzjonalista jiddeċiedi li jmur lura fil-passat ta’ politika negattiva u distruttiva.
Kif il-PN ħadha drawwa li juża rapporti internazzjonali sabiex jiddenigra lis-sistema edukattiva u allura l-għalliema u dawk kollha li jaħdmu fiha. Allura jrid jgħid li l-ħafna xogħol professjonali li jagħmlu dawn ma jiswa għal xejn għall-PN. Il-PL hu rejalistiku u xammar il-kmiem u qed jaħdem bla heda sabiex jindirizza diversi kwistjonijiet varji u daħħal fis-seħħ programmi alternativi bhal Alternative Learning Programme, Youth.Inc, ic-CCP u l-Prince’s Trust, in-Neets Activation fost l-oħrajn.
Minkejja dan, qalu li huma jemmnu li l-edukazzjoni mhux il-bini biss iżda t-tagħlim u l-esperjenza edukattivi li tingħata fil-klassi.
Spjegaw li l-istudju tal-World Bank huwa ibbażat fuq studji tal-UE u tal-Eurostat. Studju fuq il-Kwalita tal-Ħajja mill-Unjoni Ewropeja, ippublikat fi Frar, turi sistema edukattiva li qed issib saqajha. Dawn huma l-punti li joħorġu:
– Il-kwalità tal-edukazzjoni f’pajjiżna hija meqjusa tajba ħafna mill-Maltin stess, hekk kif jagħtu marka medja ta’ 8. Pajjiżna, d-Danimarka u l-Finlandja biss rċevew din il-marka.
– Il-Maltin huma kuntenti wkoll bil-faċilitajiet fl-iskejjel lokali, bir-raba’ l-ogħla marka fl-Ewropa. Qabilna hemm l-Irlanda, l-Estonja u l-Lussemburgu.
– L-għalliema u l-edukaturi fl-iskejjel Maltin u Għawdxin jingħataw marki tajbin ukoll. Anke hawnhekk naraw li r-riżultat huwa r-raba l-aqwa fl-Ewropa.
– L-attenzjoni personali li jingħataw student hija wkoll punt pożittiv li joħrog minn dan l-istudju. Malta tiġi biss wara l-Irlanda f’dan il-qasam.